Prosekuturi jridu li l-Bank of China kif ukoll kważi 300 persuna jitressqu l-qorti minħabba ħasil ta’ flus minn attivtia kriminali fl-Italja.
Prosekuturi f’Firenze qed jallegaw li f’din l-attività madwar 4.5 biljun ewro kienu trasferiti mill-Italja lejn iċ-Ċina. Flus minn prostituzzjoni, falsifikazzjoni ta’ prodotti u kif ukoll xogħol abbużiv fi stabbilimenti ta’ sidien Ċiniżi. Skont l-ANSA, l-aġenzija tal-aħbarijiet Taljana, fil-mira tal-investigazzjoni hemm erba’ uffiċjali għolja tal-Bank of China.
Kważi nofs il-4.5 biljun ewro kienu trasferiti bejn l-Italja u ċ-Ċina matul il-perjodu bejn l-2007 sal-2010 u għaddew mill-fergħa tal-Bank of China f’Milan. Trasferimenti ta’ flus li għalihom il-bank kien jingħata perċentaġġ.
Mill-investigazzjoni rriżulta li kien hemm miljun ta’ trasferimenti li kienu taħt l-2,000 ewro. Dan biex jevitaw li jqanqlu suspetti mal-awtoritajiet u li uffiċjali tal-Bank of China naqsu li jinfurmaw l-awtoritajiet b’dan iċ-ċaqliq.
Issa Imħallef fl-Italja jrid jiddeċiedi jekk jibdewx proċeduri legali kontra l-Bank of China u l-individwi l-oħra.
Dawk taħt suspett fil-maġġoranza huma Ċiniżi li jgħixu l-Italja u l-każ iwaddab dawl fuq ċaqliq ta’ ammonti kbar ta’ flus bil-moħbi fl-Ewropa minn Ċiniżi b’rabtiet kriminali.
Aktar f’IN-NAZZJON ta’ għada
Suspetti ta’ ħasil ta’ flus mill-Bank of China
