Internazzjonali Lokali

Titjiriet mhux tas-soltu minn ajruplani Amerikani madwar Malta

Fl-aħħar ġimgħat, diversi sorsi indikaw titjiriet militari Amerikani madwar l-ispazju tal-ajru Malti diretti lejn il-Libja u l-kosta tat-Tramuntana tal-Afrika.
Mhux qed ikun eskluż li xi wħud minn dawn it-titjiriet kellhom x’jaqsmu mal-attakk riċenti kontra kap tal-al-Qaeda, Mokhtar Belmokhtar. Il-Pentagon kien ħabbar li ajruplani militari Amerikani kienu wettqu attakk fil-Lvant tal-Libja.
Ftit ilu, madwar erba’ ajruplani Amerikani tat-tip F-15E Strike Eagles ittajjru fin-Nofsinhar tal-Mediterran u f’ġurnata minnhom fl-inħawi madwar Malta kien hemm ukoll ajruplani għar-refueling tat-tip KC-135R u fejn l-ajruplani bdew jindentifikaw ruħhom bil-call signs ABLE 01 u 02 kif ukoll QUID 91 sa 95.
Mhux eskluż li dawn it-titjiriet kienu parti mit-tfittxija u tħejjija għal attakk kontra Belmokhtar, wieħed mill-kapitjiet terroristiċi l-aktar imfittxija mill-Istati Uniti u meqjusa perikolużi. Il-Ġimgħa l-al-Qaeda iżda qalet li ma kienx minnu li hu kien inqatel fl-attakk.
Rapporti fil-media internazzjonali qed isostnu li l-militar Amerikan daħal fi ftehim mal-Gvern Libjan ibbażat f’Tobruk għall-kooperazzjoni meta jkun hemm bżonn li ajruplani militari Amerikani jidħlu f’territorju Libjan għalkemm il-pajjiż hu maqsum mal-awtoritajiet ibbażati fi Tripli.
Sorsi qalu wkoll li mill-Italja qed jitilqu diversi titjiriet ta’ drones militari Amerikani diretti lejn il-Libja.

Aktar f’IL-MUMENT tal-lum