Internazzjonali Unjoni Ewropea

Bżonn ta’ aktar żmien fil-kriżi Griega

Jidher li se jkun hemm bżonn aktar żmien biex tinstab soluzzjoni għall-kriżi finanzjarja Griega. Dan minkejja l-laqgħat tat-Tnejn foshtom dik tal-Ministri tal-Finanzi u tal-mexxejja taz-zona ewro.
Se jkun hemm bżonn laqgħa oħra l-Ħamis, laqgħa tal-Ministri tal-Finanzi taz-zona ewro, biex forsi dakinhar tinstab soluzzjoni.
Dan hekk kif bejn il-Ħadd u t-Tnejn il-Greċja ressqet proposti ġodda biex jinstab kompromess.
Dan filwaqt li l-ħin qed jagħfas għall-Gvern Grieg peress li fl-aħħar tax-xahar jiskadi ż-żmien biex jitħallas id-dejn ta’ 1.6 biljun ewro li għandha mal-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF). Jekk ma tħallsux, teknikament il-pajjiż ikun dikjarat fallut għaliex m’għandux il-finanzi biex iħallas il-kontijiet.
Skont Valdis Dombrovskis, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, se jkun hemm laqgħa oħra nhar il-Ħamis. Jeroen Dijsselbloem, il-President tal-Eurogroup, il-grupp ta’ pajjiżi li jużaw l-ewro, qal li minħabba l-ftit żmien li għad fadal biex ikunu analizzati l-proposti Griegi, id-deċiżjoni ġiet posposta għal aktar tard matul il-ġimgħa. Hu qal li mal-ewwel daqqa t’għajn, l-affarijiet jidhru pożittivi imma kien hemm bżonn li dawn jiġu analizzati mill-esperti fit-tama li sal-aħħar tax-xahar jintlaħaq ftehim.
Aktar tard matul il-ġurnata tat-Tnejn, fis-7 pm, kellha ssir laqgħa urġenti tal-mexxejja taz-zona ewro imma minn hawn ma kienet mistennija ebda aħbar li kienet se xxolji s-sitwazzjoni. Ilbieraħ kienet ġurnata mimlija laqgħat għall-Prim Ministru Grieg Alexis Tsipras kif ukoll għall-Ministru tal-Finanzi tiegħu Yanis Varoufakis.
Fost oħrajn, Tsipras iltaqa’ ma’ Jean Claude Juncker, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, kif ukoll ma’ Christine Lagarde, il-Kap tal-IMF.
AKTAR F’IN-NAZZJON TA’ GĦADA