Ambjent Lokali

Din l-Art Ħelwa tikkundanna l-għażla tas-sit għall-bażi tal-FAM

Il-President attwali ta’ Din l-Art Ħelwa, Simone Mizzi, li qed ittemm l-inkarigu tagħha, u l-President il-ġdid tal-istess għaqda, Maria Grazia Cassar, iddeploraw l-għażla tas-sit għall-bażi tal-Forzi Armati ta’ Malta f’Marsamxett tant li sejħulu “t-tieni żball massiv fl-ippjanar f’Marsamxett”.

Iż-żewġ Presidenti sostnew li l-ewwel żball kien dak ta’ 50 sena ilu, bil-bini tal-lukanda Excelsior, iżda sostnew li t-tieni żball tal-lum hu kompletament inaċċettabbli meta l-konservazzjoni tal-wirt storiku llum sar xjenza ħafna iktar evoluta minn dakinhar.

Irreferew għaċ-ċentru militari ġdid, fejn kien hemm il-ħtieġa ta’ iktar reklamazzjoni ta’ art taħt is-swar, bħala żvilupp li se jtellef id-dehra tas-swar tal-Furjana għas-snin u ġenerazzjonijiet li ġejjin.

Simone Mizzi sostniet li meta l-lukanda nbniet ftit wara t-twaqqif ta’ Din l-Art Ħelwa fl-1965, u l-bini mill-ġdid tagħha fl-aħħar snin, l-għaqda spjegat lill-Gvern li l-għażla tal-post ma kienx xieraq għal dak l-iżvilupp. Spjegat li ċ-ċentru tal-FAM se jerġa’ joħloq kompromess għall-fortifikazzjonijiet tas-Seklu 17.

Maria Grazia Cassar, li se tmexxi l-għaqda fil-qrib, saħqet li Malta għadha ma tgħallmitx mill-iżbalji tal-passat. Saħqet li waqt li l-għaqda tifhem il-ħtieġa ta’ faċilitajiet li jippermettu azzjoni f’waqtha mill-FAM, ma tistax temmen li dawn ma setgħux isiru x’imkien ieħor. Qalet li minflok ma sar xogħol biex jesponi iktar is-swar, inħoloq ostaklu waqt li spjegat li dan hu eżempju ieħor ta’ nuqqas ta’ sensittività min-naħa ta’ min japprova żviluppi bħal dawn, fuq l-impatt li dawn il-proġetti jkollhom fuq postijiet uniċi f’Malta.