Lokali Parlament

€7.4 miljun għal Cafè Premier u Triq Zekka iżda mhux għal ħlasijiet pendenti għall-artijiet u bini esproprjat

Il-propjeta' li kienet fiċ-ċentru ta' dan il-każ

Il-PM ma jweġibx dwar kemm hemm persuni jew entitajiet li għad għandhom jitħallsu għall-art jew bini esproprjat

Il-Prim Ministru Muscat, iffaċċjat bi skandli kbar tal-Cafè Premier u ta’ Triq Zekka marbuta ma’ negozjati li saru taħt dan il-Gvern b’rabta ma’ ħlasijiet u trasferiment ta’ artijiet, għażel li fil-Parlament ma jweġibx u jaħrab mill-mistoqsija dwar ħlasijiet pendenti għal artijiet u bini esproprjat.

Ix-Shadow Minister għal Għawdex Chris Said, staqsa lill-Prim Ministru jgħid kemm hemm persuni jew entitajiet li għad għandhom jitħallsu għall-art jew bini li ġie esproprjat minn għandhom, fl-aħħar 50 sena. Il-Prim Ministru kien mitlub ukoll iwieġeb fil-Parlament kemm hu l-ammont totali li l-Gvern jistma li għandhom jieħdu dawn il-persuni jew entitajiet.

Iżda quddiem l-iskandli li kienu żvelati b’rabta mal-proprjetà fi Strada Zekka – li ma kienx hemm bżonn tiġi esproprjata u ħallas aktar minn €3.2 miljun, u quddiem l-iskandlu tal-Cafè Premier, proprjetà li kienet diġà tal-Gvern u xorta tħallset is-somma ta’ €4.2 miljun, il-Prim Ministru ma ta ebda informazzjoni.

Il-mistoqsijiet li saru lill-Prim Ministru fil-Parlament għandhom ħafna aktar relevanza llum quddiem deċiżjonijiet li ħa l-Gvern meta ħallas fi ftit xhur kważi €7.5 miljun fuq biss żewġ każi li rriżultaw fi skandlu wieħed akbar minn ieħor.

Dan filwaqt li qiegħed iħalli u jkaxkar saqajh fuq ħafna każijiet oħrajn marbuta ma’ artijiet esproprjati biex jitwessgħu toroq jew għal skopijiet oħrajn ta’ interess pubbliku, iżda li għadhom ma tħallsux, bil-Gvern dejjem jgħid li m’għandux flux biżżejjed.