Lokali Parlament

Hemm biżżejjed biex Michael Falzon jirriżenja – Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil

Gvern ta’ kompromessi korrotti li ġejjin minn qabel l-elezzjoni

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil appella lis-Segretarju Parlamentari Michael Falzon jerfa’ r-responsabbiltà politika u jirriżenja għaliex hemm elementi biżżejjed biex tintrefa’ responsabbiltà politika u jirriżenja.

F’diskors li għamel fil-Parlament ilbieraħ filgħaxija, Simon Busuttil qal li qed nistennew li Michael Falzon jerfa’ r-responsabbiltà politika ta’ dak li ġara fid-Dipartiment tal-Lands b’rabta mal-iskandlu tal-proprjetà negozjata fi Trq Zekka.

Waqt dan id-diskors fil-Parlament, żewġ membri tal-Gvern, il-Whip tal-Grupp Parlamentari Laburita Godfrey Farrugia u l-Ministru Carmelo Abela ppruvaw iwaqqfu lill-Kap tal-Oppożizzjoni milli jkompli bid-diskors tiegħu b’point of orders li għamlu lis-Sedja jitolbu biex id-diskors ikun b’rabta mal-mozzjoni li kienet qed temenda l-Att dwar it-Trasferiment tal-Artijiet tal-Gvern.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia, wara kull point of order li tqajjem mill-Gvern, kull darba ta l-klema lill-Kap tal-Oppożizzjoni biex ikompli bid-diskors tiegħu.

Simon Busuttil qal li dak li ma jridx jitkellem dwaru l-Gvern, l-iskandlu tal-proprjetà fi Triq Zekka, qed titkellem dwaru l-Oppożizzjoni li qed tistenna lil dawk responsabbli fid-Dipartiment tal-Lands għal dan il-ħmieġ, jiġu xkanati ‘l barra.

Il-Prim Ministru wkoll għandu jerfa’ r-responsabbiltà politika
L-Oppożizzjoni qed tistenna wkoll lill-Prim Ministru, li żamm hu r-responsabbiltà politika tad-Dipartiment tal-Lands, ukoll jerfa’ r-responsabbiltà politika anke jekk ma kienx jaf b’dak li kien għaddej taħt imnieħru għax jekk dan hu l-każ, ikun ifisser li għandha Prim Ministru inkompetenti li lanqas kien jaf b’dak li hu għaddej fl-uffiċċju tiegħu stess.

Simon Busuttil spjega li din is-sejħa għar-riżenja mhix għax Michael Fazlon daħħal xi ħaġa fil-but hu, imma għax dak li seħħ seħħ f’Dipartiment li jaqa’ taħt ir-responsabbilià tiegħu; kien jaf biha; iffirma hu stess; u għax ammetta hu stess bosta affarijiet.
Is-Segretarju Parlamentari fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru ammetta li siefer għall-kaċċa ma’ Gaffarena u li ltaqa’ ma’ Gaffarena f’Kastilja stess.

Is-Segretarju Parlamentari fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru ammetta wkoll li kien Gaffarena li qal lill-Gvern Laburista biex jagħmel l-esproprjazzjoni tal-post fejn Gaffarena kien diġà xtara kwart.

Fisser il-fatt li l-Gvern esproprja kwart ta’ post u mbagħad kwart ieħor bla ma qatt kellu ħsieb, imma biss għax qallu wieħed li jaf sew u li jsiefer mas-Segretarju Parlamentari f’Kastilja, bħala gravi ħafna.

Ammetta wkoll li Gaffarena, il-multimiljunarju, għażel hu liema proprjetà kellu jingħata b’kumpens – post f’Tas-Sliema u 48,000 metru kwadru raba’, daqs 43 tomna daqs nofs iż-Żona taż-Żonqor li l-Gvern irid ukoll jinnegozja. Dawn huma proprjetajiet f’postijiet strateġiċi fejn il-multimiljunarju diġà kellu proprjetà jew interess.

Michael Falzon ammetta wkoll li impjegat f’Kastilja mar mal-multimiljunarju fid-Dipartiment tal-Artijiet li jaqa’ direttament taħt il-Prim Ministru. Ammetta wkoll li ffirma dan id-deal skandaluż.

Multimiljunarju mil-lejl għal nhar
Simon Busuttil spjega li din mhix sitwazzjoni ta’ xejn mhu xejn. Mhux business as usual u hemm problema li jeħtieġ li nitkellmu dwarha.

Staqsa lis-Segretarju Parlamentari Michael Falzon għaliex għadu ma rriżenjax wara li xi ħadd sar multimiljunarju mil-lejl għal nhar; u wara li dan sar aspejjeż tan-nies li kull ma ħadu minn dan il-Gvern kien 58ċ u fuel għoli; u wara li dan sar bil-barka tal-Gvern.
Kull min iħaddem l-iċken sens, saħaq il-Kap tal-Oppożizzjoni, hu ċert minn ħaġa waħda – li din hi deċiżjoni korrotta ta’ Kastilja – korruzzjoni istituzzjonalizzata.

Simon Busuttil qal li dawn huma deċiżjonijiet mill-aktar korrotti li saru minn dan il-Gvern, u ta’ dan hemm responsabbiltà politika x’tintrefa’.

Fakkar li l-Partit Laburista wiegħed kultura ta’ responsabbiltà politika, kultura ta riżenji u issa qiegħed jagħmel oxxenitajiet kbar u l-Gvern qisu xejn mhu xejn.

Simon Busuttil qal li dan l-iskandlu hu wieħed fost diversi għaliex juri qarnita fil-Gvern ta’ affarijiet ħżiena li mhux qed jitwaqqfu mill-Gvern, u dan qed isir b’korruzzjoni isttuzzjonalizzata.

Qarnita ta’ korruzzjoni ħakmet lill-Gvern
Spjega li l-qarnita ta’ korruzzjoni ħakmet lill-Gvern sa minn qabel l-elezzjoni. L-Oppożizzjoni qed tistaqsi għaliex Gaffarena għandu din is-saħħa kollha mal-Gvern, x’inhi r-rabta bejn Gaffarena u Michael Falzon, il-Gvern u l-Prim Ministru.

Staqsa lill-Prim Ministru jispjega wkoll ir-raġuni li l-Prim Ministru żamm il-Lands taħtu bħala parti mir-responsabbiltà tiegħu.
Staqsa wkoll x’inhi din il-qarnita ta’ interessi privati li ppenetrat il-Lands, u ppenetrat din il-qarnita ta’ ħmieġ u korruzzjoni instituzzjonalizzata.

Irrifera għal dak li qalet id-Deputata tal-Gvern, Marlene Farrugia, li kkritikat lill-Gvern li għandu obbligi dwar il-kwisjtoni ta’ Żonqor, u qal li f’dan il-każ ukoll, fl-iskandlu tal-Gvern mal-prorpjetajiet li ngħata Gaffarena, ukoll hemm obbligi għaliex m’hemmx raġuni li jingħata dak il-kumpens fil-każ tal-iskandlu ta’ Gaffarena.

Fakkar ukoll f’dak li kien qal id-Deputat Mexxej Laburista Toni Abela, li huma lesti li jagħmlu n-nies sinjuri bil-moħbi basta nagħmluh sinjur. Simon Busuttil qal li hekk għamel dan il-Gvern ma’ Gaffarena, u li kellha tkun il-media li tikxef dan l-iskandlu bejn il-Gvern u Gaffarena.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia wkoll kien wissa qabel l-elezzjoni dwar ir-rabtiet tal-kuntratturi kbar u l-Partit Laburista
Il-Kap tal-Oppożizzjoni fakkar ukoll lill-Ispeaker Anġlu Farrugia, li anke hu kien wissa qabel l-elezzjoni li l-Partit Laburista qiegħed jidħol għal obbligi li jista’ joħloq problemi.

Simon Busuttil saħaq li l-Ispeaker kellu raġun meta xahar qabel l-elezzjoni, fit-3 ta’ Frar 2013, kien qal li hemm kuntratturi kbar li huma qrib ħafna tal-Partit Laburista u li huma wkoll marbuta mal-finanzjament tal-Partit Laburista, u li dan kollu jqanqal ħsibijiet dwar korruzzjoni.

Filwaqt li kkwota dak li qal testwalment l-Ispeaker meta kien intervista mit-Times of Malta, u poġġa kopja tiegħu wkoll fuq il-Mejda tal-Kamra, Simon Busuttil saħaq li dan hu Gvern ta’ kompromessi korrotti li ġejjin minn qabel l-elezzjoni.

“Dawn huma intriċċi li daħal għalihom biex jirbaħ l-elezzjoni u issa qed iħallas l-obbligi li għandu u qiegħed iħallas għall-kompromessi korrotti.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni saħaq li f’sentejn, il-wegħda tal-Gvern ta’ ‘Malta Tagħna Lkoll’ saret ‘Malta Tagħhom Biss’, ‘Malta għal Buthom Biss’, Malta għal Gaffarena biss, u għall-interessi tal-ftit.

Simon Busuttil staqsa jekk hemmx każijiet oħrajn bħal dan l-iskandlu, għaliex sostna li dan hu “the tip of the iceberg”.
Staqsa wkoll lis-Segretarju Parlamentari Michael Falzon jgħid jekk waqt li ffirma, kellux dubji dwar dan il-kumpens esaġerat, u jekk dwar dak li kien qed jagħmel, kienx ħażin.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni saħaq fil-Parlament li mhux biżżejjed dak li qal Muscat li jreġġa’ lura dak li sar, iżda li hu meħtieġ hu li tintrefa’ r-responsabbiltà politika kemm tas-Segretarju Parlamentari Michael Falzon kif ukoll tal-Prim Ministru li hu responsabbli mil-Lands.

L-Oppożizzjon temmen li dan il-każ hu ħażin, mhux aċċettabbli u jħammeġ il-politika. Fisser li dan hu skandlu li qed inawwar il-fiduċja tan-nies fil-politika.

L-Oppożizzjoni bi proposti għal politika nadifa u onesta
Iddikjara li l-Oppożizzjoni qed tintrabat li sal-aħħar ta’ din is-sena se jkun qed iħabbar sett ta’ proposti biex titnaddaf il-politika u tinbena politika fuq l-onestà, b’kodiċi ta’ etika li jorbtu lill-Ministri sa mill-għada ta’ Gvern Nazzjonalista.

Proposti mill-Oppożizzjoni ta’ standards għolja, miżuri ġodda għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni, proposti fuq in-nomini f’bordijiet pubbliċi, u proposti fuq meritokrazija vera.

Simon Busuttil qal li l-poplu jrid tama li l-politika nistgħu nnadfuha wara li dan il-Gvern ittradixxa lill-poplu għaliex tela’ bl-għajta li jnaddaf il-politika u minflok ħammiġa.

Simon Busuttil temm id-diskors tiegħu fil-Parlament jgħid li: “l-poplu Malti u Għawdxi jrid it-tama li l-politika nistgħu nnaddfuha. Iridu jkunu l-politiċi stess li jnaddfu l-politika. Aħna lesti li nagħtu din it-tama lin-nies li jista’ jkollna politika nadifa.”