Internazzjonali

Il-Korea ta’ Fuq tħabbar ‘kura mirakoluża’ għall-AIDS u l-Ebola

Il-Korea ta’ Fuq komunista ħabbret li pproduċiet mediċina straordinarja u ‘mirakoluża’ – magħmulha mill-ginseng – li l-kwalitajiet tagħha kapaċi jikkuraw il-mard fatali bħall-AIDS, l-Ebola, is-Sars u l-MERS, fost oħrajn.

Madankollu r-reġim fi Pyongyang għad ma pprovdiex il-provi dwar kemm, fil-fatt, hi effettiva din il-mediċina ġdida. B’hekk ukoll ma naqsitx l-ispekulazzjoni li ‘l-istqarrija inkwistjoni m’għandha l-ebda bażi ta’ verita’.

L-aħbar ingħatat mill-Korean Central News Agency (KCNA) li taġġorna lid-dinja dwar l-iżviluppi konnessi mar-reġim tal-Korea ta’ Fuq li qed jaħdem taħt segretezza kbira. Il-KCNA sostniet li l-mediċina ‘mirakoluża’ żviluppatha l-Kumpannija Farmaċewtika tal-Korea Pugang waqt li tinkorpora l-ginseng bħala element integrali.

Ingħad li ‘infezzjonijiet b’viruses bħall-Ebola u l-MERS jirrelataw għall-immunita tal-ġisem u għaldaqstant jistgħu faċilment ikunu trattati b’injezzjoni tal-mediċina Kumdang-2 li tistimola l-immune system tal-bniedem’.

Websajt partikolari qal li l-mediċina ġdida tista’ tinkiseb ‘il hinn mill-Korea ta’ Fuq permezz ta’ distributur li għandu l-bażi tiegħu f’Moska, il-kapitali tar-Russja.

Il-Korea ta’ Fuq kienet adottat l-aktar kontrolli stretti għall-Ebola, tant li kienet ‘għalqet barra’ lit-turisti barranin għal sitt xhur sħaħ. Ir-restrizzjonijiet tneħħew aktar kmieni din is-sena wara li fl-ebda ħin ma ħareġ imqar rapport wieħed tal-Ebola fil-Korea ta’ Fuq u l-madwar.