L-Ispeaker tal-Parlament iċċensura kliem li uża s-Segretarju Parlamentari Ian Borg fis-seduta ta’ nhar l-Erbgħa li għaddew u ta ordni wkoll li dan il-kliem jitħassar.
Is-Segretarju Parlamenti responsabbli mill-Fondi Ewropej u mill-Presidenza tal-UE li Malta se jkollha fl-2017, nhar l-Erbgħa tkellem b’lingwaġġ diżgustanti fil-Parlament fil-bidu tal-ħin tal-mistoqsijiet meta fil-Parlament qal li mhux se jorgażma ruħu bil-mod kif għamel mistoqsija supplimentari x-Shadow Minister Jason Azzopardi.
L-Ispeaker Anġlu Farrugia wissa wkoll li kien se jibda jimplimenta ordnijiet permanenti tal-Kamra li ilhom ma jintużaw fil-konfrnt ta’ membri parlamentari b’imġiba mhux xerqa u li tkun qed tfixkel ix-xogħol tal-Kamra.
Hu qal li membru parlamentari li jkun mitlub mis-Sedja biex jirtira jew ikun sospiż anke b’mozzjoni li tgħaddi mill-Kamra, jista’ jiġi sospiż sa ġimgħa fl-ewwel każ, sa ġimagħtejn fit-tieni okkażjoni, u sa xahar fuq it-tielet darba li jitressaq każ kontrih u li dwaru jinstab li l-imġiba tiegħu ma tkunx xierqa.
F’ruling li ta llejla fil-bidu tas-seduta b’rabta mal-istorbju li nqala’ fl-aħħar seduta parlamentari, l-Ispeaker qal li analizza dak li ntqal u nnota l-ispjega li ta s-Segretarju Parlamentari għal-lingwaġġ li uża, il-fatt li għamel opoloġija, u li ma kellu ebda intenzjoni li jweġġa’ lis-Segretarju Parlamentari.
Minkejja dan, l-Ispeaker iddikjara li l-lingwaġġ mhux xieraq għall-Parlament u ċċensura dan il-kliem u ordna li jitħassar mir-records tal-Parlament.
L-Ispeaker, fir-ruling tiegħu dwar dak li seħħ fis-seduta tal-Erbgħa li għaddiet u li kellha tiġi sospiża minħabba l-istorbju li nqala’ waqt il-ħin tal-mistoqsijiet, irrimarka li ċ-ċaqliq tal-Parlament lejn il-bini l-ġdid ġab miegħu wkoll imġiba mhux xierqa u wissa li se jkun qiegħed jieħu l-passi kollha meħtieġa skont ir-regolamenti tal-Kamra – liema regolamenti ilhom ma jiġu applikati s-snin – u japplika r-regolamenti fil-konfront ta’ kull deputat li l-imġiba tiegħu ma tixraqx lill-Parlament jew li tfixkel ix-xogħol tal-Parlament.
//= $special ?>