Il-membri ġodda tal-libreriji pubbliċi f’Malta u s-self tal-kotba, bejn l-2013 u l-2014, naqsu b’iktar minn 17% minkejja li l-kotba żdiedu b’10.9%, li 62.4% minnhom ġew mogħtija b’donazzjoni.
Il-membri ġodda għal-libreriji pubbliċi naqsu għal 4,569, l-iktar minħabba tnaqqis ta’ 21.5% fost it-tfal waqt li l-adulti naqsu b’10.2%. Dan joħroġ minn figuri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika.
L-iktar librerija li sellfet kotba kienet il-Librerija Pubblika Ċentrali tal-Floriana, bi 19.1%, li madankollu rat tnaqqis ta’ 40.5% fin-numru ta’ kotba msellfa fuq is-sena ta’ qabel. Fost il-libreriji lokali, l-iktar librerija li sellfet kotba kienet dik ta’ Birkirkara b’9.2% tal-kotba mislufa. F’Għawdex, il-librerija tan-Nadur sellfet iktar kotba minn dik ċentrali tar-Rabat.
Fl-2014, il-pubblikazzjonijiet li l-Librerija Nazzjonali rċeviet taħt depożitu legali naqas b’5.9%.
Naqas ukoll il-valur tal-importazzjoni ta’ kotba u perjodiċi, b’2.6% fuq l-2014 għalkemm il-valur tal-esportazzjoni żdied bi 11.3%. Il-konsumaturi privati nefqu 2% inqas fuq materjal stampat, bi tnaqqis ta’ 4.1% fuq kotba u ta’ 1.9% fuq gazzetti u perjodiċi imma b’żieda ta’ 11% fuq kartolini, katalogi u kalendarji.
//= $special ?>

