Il-Partit Laburista, permezz tad-Deputat Mexxej tiegħu Toni Abela, illum għamel konferenza tal-aħbarijiet jattakka tliet impjegati sempliċiment għaliex għandhom opinjoni differenti minn tiegħu. Dan mhu xejn għajr attakk fuq il-ħaddiema, li huma liberi jassoċjaw irwieħhom ma’ liema partit jixtiequ.
Il-Partit Laburista, anke permezz tad-dikjarazzjonijiet tal-Mexxej tiegħu Joseph Muscat, qed iwettaq diskriminazzjoni politika. Joseph Muscat u l-partit tiegħu, għal darb’oħra, qed jagħżlu li jagħmluha tal-prosekuturi, tal-ġurija u l-imħallfin.
Il-Partit Nazzjonalista jagħmilha ċara li lest jiddefendi kull ħaddiem biex ma jiġix intimidat u vvittimizzat, sempliċiment għaliex ma jaħsibiex bl-istess mod ta’ Joseph Muscat.
Ftit tal-ħin ilu t-tliet impjegati joħorġu stqarrija fejn qed jiċħdu li huma naqsu minn xi obbligu tagħhom fuq ix-xogħol:
//= $special ?>Kif għamilna mal-istituzzjonijiet rispettivi fejn naħdmu, aħna nerġgħu niċħdu li nqasna minn xi obbligu tagħna fuq il-post tax-xogħol. L-uniku ħaġa li għamilna hu li tajna l-opinjoni tagħna, ikkummentajna u ddiskutejna bħala individwi privati fuq affarijiet li kienu diġà fil-konsum pubbliku – xi ħaġa li għandna kull dritt li nagħmlu.
Aħna nappellaw lill-politiċi biex ma jibqgħux jakkużawna fuq affarijiet li m’għamilniex b’aġġettivi li ma jagħmlux ġieh lill-ebda ħaddiem, wisq aktar ħaddiema bħalna li dejjem ħadmu fl-interess ta’pajjiżna.
Huwa inġust li qed isiru akkużi kontrina fil-pubbliku, liema akkużi jistgħu jippreġudikaw kwalunkwe proċess investigattiv. Aħna nħeġġu lill-istituzzjonijiet biex iwettqu l-investigazzjoni li qed jagħmlu fl-iqsar żmien possibli.


