Ewropa Lokali

Il-President tindirizza l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa

Dalgħodu fi Strasburgu,  il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca indirizzat l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa fl-okkażjoni tal-ħamsin anniversarju mid-dħul ta’ Malta fil-Kunsill tal-Ewropa.

Fid-diskors tagħha fl-Assemblea Parlamentari, il-President ta’ Malta qalet li huwa ta’ privileġġ għaliha li kienet qed tindirizza l-Assemblea f’dan l-Anniversarju tant importanti għal Malta.

Il-President ta’ Malta tkellmet fuq suġġetti li jħassbuha fosthom fuq it-terroriżmu, il-migrazzjoni, il-faqar fl-Ewropa, il-vjolenza domestika u l-ugwaljanza.

Il-President irringrazzjat lill-Presidenza Belġjana tal-inizjattiva li ttieħdet fil-laqgħa tal-Kumitat tal-Ministri fi Brussell, fejn ingħatat attenzjoni speċjali lill-ġlieda kontra t-terroriżmu. Hija rrimarkat fuq il-fatt li għadd ta’nies minn pajjiżi Ewropej qegħdin jagħżlu li jivvjaġġjaw biex jingħaqdu ma’ gruppi terroristiċi fl-Iraq u fis-Sirja.

“Dan il-fenomenu għandu jiġi indirizzat mhux biss legalment imma jeħtieġ li ż-żgħażagħ jingħataw l-għajnuna kollha biex isibu l-iskop f’ħajjithom permezz ta’ azzjonijiet pożittivi. L-Istitut Internazzjonali tal-Ġustizzja li ġie mwaqqaf f’Malta s-sena l-oħra, qiegħed joffri t-taħriġ li hemm bżonn għall-partijietikkonċernati kollha biex it-terroriżmu jiġi indirizzat bil-qafas tal-istat tad-dritt.”

Fuq il-problema tal-migrazzjoni, il-President qalet li filwaqt li l-pjani biex jiġu salvati għadd ta’ nies minn fuq il-baħar qegħdin jiżdiedu, hemm bżonn isir aktar xogħol.  Il-President spjegat li din is-sitwazzjoni trid tiġi indirizzata b’kollaborazzjoni mal-pajjiżi tal-Mediterran u ma’ dawk tal-Afrika ta’ Fuq.

Il-President tkellmet fuq inġustizzji kontra n-nisa, per eżempju fil-politika fejn m’humiex irrappreżentati biżżejjed f’pożizzjonijiet ta’ tmexxija, u fuq id-diskriminazzjoni fuq il-postijiet tax-xogħol.

Tkellmet ukoll fuq id-drittijiet ta’ persuni LGBTIQ u fuq kif jeħtieġ politika li tippromwovi dawn id-drittijiet għal iktar għarfien fuq dan is-suġġett.  Il-President tkellmet fuq il-faqar u fuq kif is-sitwazzjoni tal-faqar preżentament fl-Ewropa hija inaċċettabbli.

Wara d-diskors, Marie-Louise Coleiro Preca, irrispondiet għadd ta mistoqsijiet mill-membri tal-Assemblea Parlamentari fuq diversi suġġetti li kienu msemmija fid-diskors.

Mal-wasla tagħha fil-Palais de l’Europe, fi Strasburgu, il-President kienet milqugħa mill-President tal-Assemblea Parlamentari, Anne Brasseur. Il-President kellha laqgħat ukoll mas-Segretarju Ġenerali, is-Sur Thornbjorn Jagland. Waqt dawn il-laqgħat, il-President ta’ Malta tkellmet dwar il-migrazzjoni u d-drittijiet tat-tfal.  Waqt kummenti li ngħataw lill-ġurnalisti preżenti, il-President tal-Assemblea Parlamentari, Anne Brasseur, faħħret lill-President ta’ Malta għall-kuraġġ li għandha fix-xogħol tagħha favur id-drittijiet tal-bniedem.