Lokali

Il-UĦM tordna azzjoni industrijali fid-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali

Il-Union Ħaddiema Magħqudin (UĦM) ordnat azzjoni industrijali fid-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Indusijtrali (DIER). L-azzjoni daħlet fis-seħħ dalgħodu mit-Taqsima għas-Servizz Pubbliku lill-Ispetturi tad-Dipartiment (EIRA Inspectors) biex dawn ma jagħmlux użu minn mezzi ta’ komunikazzjoni bħal email, telefon, mobile u faxes.

Din l-azzjoni industrijali daħlet fis-seħħ wara li l-UĦM ilha diversi xhur tistenna kontro-proposti mingħand il-Gvern. Il-UĦM kellha l-aħħar laqgħa mal-amministrazzjoni fl-20 ta’ Mejju li għadda, iżda minn dakinhar ma ngħatat l-ebda tweġiba u ma rriżulta l-ebda żvilupp, minkejja li l-union ġiet imwegħda li fi ftit jiem se tkun qed toħroġ sejħa għall-applikazzjoni ħalli jiżdiedu l-ħaddiema.

Ix-xogħol tal-EIRA Inspectors jinkludi l-ħarsien tal-interessi tal-partijiet f’kuntratti tal-impjiegi fis-setturi kollha tal-ekonomija Maltija, kif ukoll li jiġu promossi relazzjonijiet tajba ta’ impjieg. Dawn il-ħaddiema jassiguraw li l-kundizzjonijiet tal-impjieg ta’ kull impjegat ikunu f’konformità mal-Liġi tax-Xogħol, kif ukoll li d-drittijiet u l-obbligi kollha ta’ kull parti mill-kuntratt tax-xogħol jiġu mħarsa.

Fi stqarrija, il-UĦM qalet li temmen bis-sħiħ li dawn il-ħaddiema jistħoqqilhom kundizzjonijiet ta’ xogħol aħjar, anke meta wieħed jipparaguna l-livell ta’ responsabbiltà li għandhom waqt il-qadi ta’ dmirijiethom ma’ ħaddiema oħrajn fis-Servizz Pubbliku. Għaldaqstant, appellat lill-amministrazzjoni biex issaħħaħ dan il-qasam, anke fejn jidħol in-numru ta’ ħaddiema.

B’hekk ikunu salvagwardjati aktar il-ħaddiema fuq il-postijiet tax-xogħol, temmet tgħid il-UĦM.