Ambjent Għawdex Lokali

Is-Sindku Laburista tal-Qala f’attakk kontra l-Ambjentalisti

Is-Sindku Laburista tal-Qala Clint Camilleri ħareġ jattakka lill-Ambjentalisti li s-Sibt li għadda pprotestaw kontra l-qerda ta’ artijiet ODZ. B’ritratt li ppubblika fuq Facebook u f’messaġġ li kiteb, il-Kandidat Laburista attakka wkoll lill-Ġiżwiti li tkellmu kontra l-proġett tax-Shooting Range biswit Mount St Joseph.

Clint Camilleri qal li f’daqqa waħda, kulħadd sar Ambjentalist, inkluż il-Ġiżwiti. B’ton ironiku staqsa għaliex mhux jipprotestaw kontra l-Iskejjel li trid tibni l-Knisja, filwaqt li sostna li qed nerġgħu lura għas-snin sittin.

Camilleri, li s-sena li għaddiet kien kważi ġie elett fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, għalaq il-messaġġ tiegħu billi appella lill-Prim Ministru Joseph Muscat biex jibqa’ għaddej u ma jagħtix każ lil min qed itellef.

Il-pożizzjoni ta’ Clint Camilleri kontra l-protesta tal-Front Ħarsien ODZ hi waħda li tqajjem ħafna tħassib anke minħabba l-fatt li l-Qala, ir-raħal li tiegħu Camilleri hu Sindku, jinsab fiċ-ċentru tal-attenzjoni minħabba l-iżvilupp propost ta’ marina u appartamenti lussużi.

Dan meta l-istess Kunsill Lokali għadu ma ġiex ikkonsultat.