Lokali

It-Taljani li ħarġu fir-runway jitolbu l-flus biex jitkellmu mal-midja f’Malta

Iż-żgħażagħ Taljani li l-Erbgħa li għadda ġrew għal fuq ir-runway tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta bl-għan li jwaqqfu ajruplan tar-Ryanair milli jħalli Malta lejn l-Italja, iridu l-flus biex jagħtu l-verżjoni tagħhom lill-midja Maltija.

Kliem wieħed miż-żgħażagħ, Matteo Clementi ta’ 26 sena, li kien fiċ-ċentru tal-każ flimkien mat-tfajla tiegħu Enrica Apollonio, li għandha 23 sena. Meta mistoqsi minn dan is-sit, hu rrisponda li ma jagħtix intervisti “mingħajr kontribut ekonomiku. Taf kif inhu ż-żmien, il-flus jagħmlu l-kuntentizza.”

Filfatt iż-żgħażagħ qed jgħidu li diġa’ ġew ikkuntattjati minn xi persuni fl-Italja, saħansitra biex Enrica tattendi għal xi provi ta’ Grande Fratello.

Imma fl-istess waqt li ġie offrut biex jgħid dak li verament seħħ, hu nfexx f’attakk fuq il-midja lokali u qal li “l-gazzetti Maltin diġa’ waqqgħuna għaċ-ċajt mad-dinja kollha.”

Iż-żewġ Taljani qattgħu sigħat sħaħ arrestati wara li qabdu u fetħu bieb tal-emerġenza tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta minħabba li l-istaff tal-Ajruport ma ħallewhomx jgħaddu mill-gate wara li din għalqet.

Fuq ir-runway, l-ajruplan kien diġa’ startjat u tneħħa anke’ t-taraġ tal-passiġġieri. Madankollu f’intervista lil il Giornale, huma qed jisħqu li ma għamlu xejn ħażin u li l-pilota kien lest li jħallihom jitilgħu abbord.

Saħansitra akkużaw lill-awtoritajiet Maltin li trattawhom ta’ kriminali għaliex ġew arrestati, u skont huma ħadd ma qalilhom biex qed jiġu akkużati. l-għada tressqu l-Qorti fejn instabu ħatja u weħlu multa ta’ €2,329.

Imma lill-istess il Giornale, l-avukat tagħhom Carlo Gervasi, qal li ż-żgħażagħ jistgħu jqisu ruħhom fortunati għaliex f’pajjiżi “il-forzi tal-ordni kienu żgur jiftħu n-nar.”