Internazzjonali Unjoni Ewropea

L-UNJONI EWROPEA: Se tibda l-ħidma kontra t-traffikar tan-nies fil-Mediterran

Il-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea t-Tnejn taw l-approvazzjoni finali biex jingħata bidu għall-ħidma kontra l-immigrazzjoni irregolari fil-Mediterran f’ħidma magħrufa bħala ‘EUnavfor Med’.
Il-ġidma hi maqsuma fi tliet partijiet imma għalissa se tkun biss l-ewwel parti li se tidħol fis-seħħ. Dan għaliex fit-tieni u t-tielet parti tal-pjan hemm azzjoni diretta kontra t-traffikanti u għal dan hemm bżonn l-approvazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti.
Għalhekk, fl-ewwel fażi, se jkun hemm għassa mill-baħar u l-ajru tal-attività tat-traffikanti fil-Mediterran, b’mod partikulari fil-Libja.
Il-vapuri, ajruplani kif ukoll drones mistennija jkunu lesti biex jidħlu fl-azzjoni l-ġimgħa d-dieħla.
Il-Ministri qalu li fil-mira hemm it-traffikanti u mhux l-immigranti. Federica Mogherini, il-kap tal-politika barranija li mexxiet il-laqgħa, qalet li se jkun hemm ukoll għassa fuq il-baħar imma dan biss f’ibħra internazzjonali. Hi insistiet li fil-mira hemm dawk li qed jagħmlu l-flus minn fuq dawn in-nies u li spiss imutu fil-vjaġġ.
L-Unjoni Ewropea qed tfittex l-appoġġ tan-Nazzjonijiet Uniti biex tieħu azzjoni kontra
t-traffikanti li qed jagħmlu qligħ kbir mit-traffikar tan-nies mil-Libja lejn l-Ewropa u li spiss ipoġġu lil dawn in-nies f’laneċ li la jifilħu għall-piż u lanqas għall-vjaġġ.
Sorsi qalu li l-UE issa kienet bidlet xi kliem fil-proposta li ressqet quddiem il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti fi sforz biex ir-Russja u ċ-Ċina jneħħu l-oppożizzjoni tagħhom. Intqal li issa l-iskop m’għadux li l-laneċ li jintużaw fil-vjaġġi jinqerdu imma li ma jkomplux ikunu għad-dispożizzjoni tat-traffikanti.