F’Baku fl-Azerbajġan kompla l-logħob mill-ewwel edizzjoni tal-logħob tal-Ewropa fejn spikkat l-atletika b’numru ta’ Maltin fl-azzjoni fil-kompetizzjoni tat-timijiet.
Rebecca Camilleri kompliet bl-istaġun eċċellenti tagħha meta fil-Long Jump għamlet l-aħjar qabża personali tal-istaġun ta’ 6.38m li poġġietha fit-tieni post wara s-Slovakka Jana Veldakova li qabżet 6.68m. L-Awstrijaka Sarah Lagger kellha t-tielet l-aħjar qabża ta’ 6.17m.
Camilleri kisbet dan ir-riżultat bir-raba’ u l-aħħar qabża tagħha wara li aktar qabel kellha żewġ qabżiet nulli u waħda ta’ 6.11m.
Wara l-wirja tajba li kellha l-Ħadd fil-100m tan-nisa fejn kisret ukoll ir-rekord nazzjonali, l-atleta Maltija ta’ 20 sena Charlotte Wingfield għaddiet ukoll għas-semifinali tal-200m fejn bdiet minn lane numru 8 u spiċċat fir-raba’ post b’ħin ta’ 24.32 sek li hu wkoll l-aħjar ħin personali tagħha fuq din id-distanza.
Fil-200m tal-irġiel Luke Bezzina wkoll kiseb l-aħjar ħin personali tiegħu ta’ 22.40 sek li bih spiċċa fl-10 post minn 14-il atleta.
Fil-100m hurdles tan-nisa Malta kienet rappreżentata minn Rebecca Anne Fitz li kellha ħin ta’ 16.37 sek fl-ewwel heat u naqset milli tavanza. Dan ir-riżultat ikklassifikaha fit-8 post minn 11-il atleta. Fil-kompetizzjoni tal-irġiel Malta kellha tkun rappreżentata minn Bradley Mifsud li iżda ma ħax sehem.
Fit-800m irġiel Matthew John Crocker spiċċa fit-12-il post overall f’minuta 56.89 sek biex temm fit-12-il post fost 14-il kompetitur u fit-3,000m steeplechase Malta kienet rappreżentata minn Mark Herrera li temm fit-tmien post fost 13-il parteċipant f’ħin ta’ 9 minuti 41.26 sek.
Fl-1,500m tan-nisa Mona Lisa Camileri kisbet erba’ punti oħra għat-tim Malti tal-atletika meta temmet fil-11-il post fost 14-il atleta b’ħin ta’ 4 minuti 53.17 sek
Giselle Camilleri ġriet fid-distanza favorita tagħa tal-5,000m tan-nisa fejn spiċċat f’19:14.66 minuti li kklasifikaha fid-9 post fost 12-il atleta
Dario Mangion ħa sehem fit-3,000m fejn spiċċa fit-tmien post f’8:53.93 min fost 14-il kompetitur.
Fit-tfigħ tal-martell, il-Maltija Antonella Chouhal temmet fl-10 post minn fost 12-il kompetitur b’tefgħa ta’ 34.63 metri. Ir-rebħa marret għand is-Slovakka Martina Hrasnova b’tefgħa rekord tal-logħob ta’ 69.31m quddiem Skydan tal-Ażerbajġan u Nikisenko tal-Moldova.
Fid-Discus tal-irġiel, Mario Mifsud kellu tefgħa ta’ 39.97m biex temm fl-10 post fost 12-il kompetitur bir-rebħa tmur għand l-Awstrijakk Mayer Gerhard b’59.48m li wkoll hu rekord tal-logħob.
Fil-Javeline tal-Irġiel Bradley Mifsud ukoll kellu l-aħjar prestazzjoni tiegħu b’tefgħa ta’ 62.67m li hu l-aħjar riżultat personali għalih li bih temm fis-7 post fost 12-il kompetitur.
Fil-High Jump tan-nisa Dorianne Micallef spiċċat fl-aħħar pot fost 12-il atleta b’qabża ta’ 1.50m
Fit-Triple Jump tal-Irġiel Ian Paul Grech irreġistra l-aħjar qabża personali ta’ 14.22metri li biha spiċċa fit-tmien post fost 13-il parteċipant.
L-aħħar kompetizzjoni tal-ġurnata kienet ir-relay 4x400m fejn fil-kategorija tan-nisa t-tim Malti (Ylenia Pace, Franceasca Borg, Charlene Attard u Janet Richard) temm fis-7 post fost 12 fi 3 minuti 47.93 sek li kien rekord tal-logħob f’din l-ewwel heat qabel l-istes rekord inkiser mis-Slovakkja li rebħu l-finali fi 3:35.03 min.
Fil-4x400m tal-irġiel it-tim Malti (Neil Brimmer, Matthew Crocker, Simon Spiteri u Alexander Dimech) temm it-tielet fl-ewwel heat f’3:20.54 min u spiċċaw fl-10 post fost 12-il tim.
B’hekk il-midalja tad-deheb fil-komptizzjoni tat-timijiet intrebħet mis-Slovakkja b’58.5 punti , nofs punt quddiem l-Awstrija li rebħu l-fidda waqt li l-Iżrael ħa l-bronż b’430 punt.
Malta spiċċat fis-disa’ post b’244.5 punti fost 14-il tim.
Fil-Badminton Samuel Cali li għandu 25 sena beda l-fażi tal-gruppi b’telfa 2-0 (21-3, 21-10) kontra t-Taljan Rosario Maddaloni u llum imissu kontra Kanan Rzayev tal-Ażerbajġan.
//= $special ?>