Għal darb’oħra, il-Prim Ministru Joseph Muscat injora t-talbiet tal-għaqdiet mhux governattivi u l-eluf li attendew il-Protesta Nazzjonali tas-Sibt li għadda biex jippubblika l-ftehim mal-investituri Ġordaniżi għall-iżvilupp fiż-Żonqor.
Fi tmiem laqgħa mal-MCESD, mistoqsi mill-ġurnalisti dwar dan, Muscat wieġeb li l-ftehim se jkun ippubblikat biss meta jkun il-waqt.
Sadanittant, minkejja l-ħidma ta’ numru ta’ esponenti qrib il-Partit Laburista li kkampanjaw favur mixja fiż-Żonqor biex il-proġett isir, Muscat appella biex din titħassar, kif fil-fatt ġara ftit tal-ħin wara.
Il-Prim Ministru kien qed jirreaġixxi għal kummenti ta’ Arnold Cassola, li fuq Facebook akkuża lill-Prim Ministru li qed jaħdem favur din il-protesta. Muscat iddeskriva lil Cassola bħala bniedem li ma jafx x’qed jgħid.
Fl-aħħar jiem, fost l-aktar li tkellmu favur dan il-proġett kien hemm is-Sindku Laburista ta’ Marsaskala Mario Calleja, li saħansitra appella lill-Iskalin biex jingħaqdu fil-protesta tal-Ħadd li ġej b’appoġġ lill-Gvern.
//= $special ?>

