Lokali Parlament

Politika antikwata għall-bdiewa u l-agrikoltura

Il-Partit Laburista qata’ ħesrem opportunità lill-bdiewa li tiġi modernizzata l-pitkalija għaliex il-proġett ma jissodisfax ir-regolamenti tal-istate aid

Id-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina sejjaħ il-viżjoni ta’ dan il-Gvern għall-bdiewa u l-agrikoltura bħala antikwata b’Segretarju Parlamentari mmexxi minn konsulenti li skadew. Viżjoni wkoll li aktar iżżarma l-inizjattivi li wiret mill-gvern preċedenti, milli beda oħrajn ġodda.

Il-Kelliem tal-Oppożizzoni għall-Agrikoltura u Sajd, Toni Bezzina, fil-Parlament kien qiegħed jirreaġixxi għal dak li qal is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes fir-rigward ta’ diversi problemi li jinsabu fihom il-bdiewa, fosthom dik tan-nuqqas ta’ kaxxi fil-Pitkalija.

Semma kif aktar ma jgħaddi ż-żmien, il-problema ta’ nuqqas ta’ kaxxi fil-pitkalija qiegħda ssir aktar akuta – kuntrarjament għal dak li qal is-Segretarju Parlamentari Rodrick Galdes.

Filwaqt li fakkar lis-Segretarju Parlamentari li fi żmien gvern Nazzjonalista, sa Frar kienu jinħargu l-offerti neċessarji biex ikunu jistgħu jinxtraw dawn il-kaxxi, dan il-Gvern dam ikaxkar saqajh sa Mejju li għadda biex ħarġu l-offerti għax-xiri ta’ dawn il-kaxxi.

Il-konsegwenzi ta’ dan it-tnikkir qed ibatuh il-bdiewa li spiċċaw qed ikollhom iħallu l-prodotti agrikoli fl-għelieqi tagħhom, u dan b’telf finanzjarju enormi għalihom u għall-familthom.

Il-Gvern ma qalx il-verità lill-bdiewa
Id-Deputat Nazzjonalista semma wkoll kif is-Segretarju Parlamentari pprova jagħti l-impressjoni li l-bdiewa jħallsu ħlas nominali ta’ darba ta’ €7 għal kull kaxxa biex ipoġġu l-prodotti tagħhom fihom u jekk din tinkisrilhom, jingħataw oħra ġdida b’ xejn.

Toni Bezzina qal li dan mhux minnu. Is-Segretarju Parlamentari mhux qed jgħid il-verità u ma qalx li l-bdiewa, ix-xerreja u l-pitkala jħallsu bejniethom €0.01ċ għal kull €1 tal-bejgħ kollu tagħhom biex jagħmel tajjeb għall-ħasil u bdil ta’ kaxxi mkissra, li f’sena jammonta għal madwar €200,000.

Il-Gvern qed jipprova jagħti impressjoni ħażina tal-bdiewa minflok jipproteġihom u jgħinhom. Staqsa jekk din is-sistema li kienet sostenibbli għal diversi snin, għadhiex sostenibbli llum taħt il-Partit Laburista.

Il-bdiewa m’għandhomx jagħmlu tajjeb għall-pagi li qed jieħdu n-nies tal-qalba
Dwar is-sistema tal-kaxxi li l-Gvern qed jgħid li mhix sostenibbli u li jaf kif se jsolviha, id-Deputat Nazzjonalista staqsa jekk hux jaħseb li jżid il-ħlas għall-provvista tal-kaxxi biex imbagħad iġib lill-bdiewa insostenibbli u jkun l-ewwel Ministru jew Segretarju Parlamentari li jirnexxilu jfalli lill-bdiewa.

Toni Bezzina saħaq li l-bdiewa m’għandhomx jagħmlu tajjeb għall-pagi li qed jieħdu n-nies tal-qalba tal-Partit Laburista jew inkella xi paga ta’ €13,000 fix-xahar li tieħu xi mara ta’ xi Ministru.

Ikkritika l-mod li bih dan il-Gvern qiegħed jistma lill-bdiewa u saħaq li b’dan l-aġir il-Gvern qed juri li tilef ruħu.
Semma wkoll kif wara aktar minn sentejn fil-Gvern, il-Partit Laburista qata’ ħesrem opportunità lill-bdiewa li tiġi mtejba u modernizzata l-pitkalija mingħajr ebda spjegazzjoni għajr li dan il-proġett ma jissodisfax ir-regolamenti tal-istate aid.

Irrimarka li jekk din l-għajnuna li kienet se tissodisfa l-ħtiġiet ta’ ħafna bdiewa ma tissodisfax ir-regolamernti tal-istate aid, kemm aktar l-€4 miljun li ħallas il-Gvern għall-Cafè Premier jew il-flus li ħallas għall-proprjetà fi Triq Zekka jissodisfaw ir-regolamenti tal-istate aid. Dwar dan il-Gvern għandu jagħti spjega.

Il-Gvern ma jemminx fil-prodott lokali
Il-verità hi, qal Toni Bezzina, li dan il-Gvern ma jemminx fil-prodott lokali għax dan il-proġett kien imfassal ħalli jżid il-valur miżjud tal-prodott agrikolu Malti ħalli minnu jibbenefika l-bidwi u l-konsumatur. Staqsa lill-Gvern jispjega għaliex twaqqaf il-proġett meta l-bdiewa kienu favur din ir-riforma.

Semma li l-Kummissjoni Ewropea kienet favur dan il-proġett għaliex dan il-proġett ġie diskuss kemm-il darba waqt monitoring committees li saru f’Malta. Staqsa x’ġara f’daqqa waħda biex issa l-Kummissjoni Ewropea dawret fehmitha meta kienet tqis dan il-proġett bħala vetrina ta’ prattiċi tajba għall- attività rurali Maltija li, minkejja li hi żgħira, hi ferm essenzjali minħabba l-insularità tagħha.

Dan il-proġett kien ikopri l-katina kollha tal-prodott lokali – mill-għalqa sal-mejda u mill-preżentazzjoni, sal-labelling, l-ippakkeġġjar u l-informazzjoni lill-konsumatur ħalli l-bidwi jassigura l-ħobża tiegħu u l-konsumatur ikun jaf il-prodott li qed jixtri xinhu eżatt.

Ir-riforma fil-Pitkalija mhi se ssir qatt
Ikkritika lill-Gvern li qiegħed jeqred opportunità għal prodott lokali quddiem proġett pilota li kellu janalizza r-riforma sħiħa tal-Pitkalija.

Issa li l-proġett pilota nqered, Toni Bezzina qal li dan ifisser li r-riforma mhi ħa ssir qatt u jista’ jagħti l-lok li l-bidwi jkompli jinsteraq.