L-Imħallef Antonio Mizzi ippospona għal data mhux magħrufa, iżda mhux fil-qrib, il-ġuri li kellu jibda llum u li fih Melchior Spiteri kellu jkun akkużat bi qtil li seħħ 22 sena ilu. Il-każ jirrigwarda l-qtil ta’ Vittorio Cassone, li kellu 58 sena u li kien inqatel waqt hold-up f’ħanut f’San Ġiljan. F’dak il-qtil/hold up, li kien seħħ fit-13 ta’ Jannar 1993 għall-ħabta tas-6.30pm fi Triq Birkirkara, kienu nsterqu madwar €350.
Il-ġuri ta’ Melchior Spiteri kellu jibda dalgħodu quddiem l-Imħallef Antonio Mizzi, iżda minħabba rappurtaġġ dwar dan il-każ fil-ħarġa tal-lum tal-ġurnal tal-GWU, ħass li ma kienx ġust li jagħti bidu għall-ġuri minħabba li partijiet tar-rappurtaġġ li jirrigwardaw il-passat tal-akkużat. Minħabba f’hekk, l-Imħallef Mizzi sejjaħ lill-Prosekuzzjoni u lid-Difiża u talabhom x’kienet ir-reazzjoni tagħhom għal dan l-artiklu. Kien hemm qbil ukoll li jekk l-akkużat xtaq li l-ġuri jsir, f’ġieh il-ġustizzja tal-ġuri, ma kienx f’waqtu li dan jingħata bidu.
Sadattant, f’laqgħa li sejjaħ għall-Edituri tal-ġurnali, l-Imħallef Antonio Mizzi talab lill-media kollha biex meta joqorbu ġurijiet, isir rappurtaġġ b’għaqal u bi prudenza kbira, mingħajr l-ebda referenza għall-passat tal-persuna li tkun se titressaq quddiem il-ġuri. Enfasizza l-importanza li kulħadd jifhem li persuna hi presunta innoċenti sakemm tinstab ħajta u, f’każ ta’ ġuri, ikun biss il-verdett maħruġ mill-ġurija li jiddetermina jekk persuna hijiex innoċenti jew le.
L-Imħallef Mizzi qal li meta jiġru inċidenti bħal dawn u ġuri ma jkunx jista’ jsir, jintilfu ħafna flus u fil-każ tal-lum intilfu madwar €3,000. Min-naħa l-oħra, f’każ li ġuri jkun laħaq beda dieħel ‘il ġewwa, allura jintilfu flejjes kbar ħafna. Temm jappella lill-media biex ir-rappurtaġġ isir dejjem b’għaqal u b’rispett lejn il-persuna li jkun se jgħaddi ġuri ħalli jkun assigurat smigħ ġust.
Meta seħħ il-każ fl-1993, Melchior Spiteri kellu biss 18-il sena. Dak iż-żmien, Vittorio Cassone, li kien miżżewweġ Maltija, kien imexxi ħanut Chef Italy Gastronomia (ritratt). Kien allegat li x’ħin seħħ il-każ, Cassone kien wara l-bank tal-ħanut jaqdi xi klijenti li kellu. Madankollu, fil-parti ta’ wara fil-ħanut, kien hemm ukoll żewġ impjegati li kienu qed jagħmlu xi xogħol.
F’mument minnhom, waqaf vann quddiem il-ħanut u minnu ħareġ żagħżugħ li kellu wiċċu mgħotti b’kalzetta rqiqa u liebes ġakketta sewda u jeans. Kif il-ħalliel daħal fil-ħanut, ordna lis-sid biex jagħtih il-flus li kellu, iżda minħabba x-xokk li kellu fuqu, il-vittma ma setax jiftaħ il-cash register. Madankollu meta Cassone fetaħ il-cash register u ta l-flus lill-ħalliel, dan xorta waħda sparalu t-tiri fatali li laqtuh f’sidru u li ħallewh mejjet fil-post.
//= $special ?>

