Esperti fir-Renju Unit jemmnu li Mohammed Emwazi ta’ 26 sena minn Londra u magħruf aħjar bħala ‘Jihadi John’ issa jinsab fil-Libja.
Jihadi John hu l-laqam li kien ingħata wara li deher f’ħafna mill-ewwel filmati tal-ISIS jaqta’ l-irjus ta’ ostaġġi barranin. L-indikazzjonijiet huma li hu ntbagħat il-Libja wara li nkixfet l-identità tiegħu fil-media Ingliża.
Skont sorsi militari Amerikani li kienu kwotati mill-media Ingliża huma interċettaw komunikazzjonijiet bejn membri tal-ISIS li jindikaw li Emwazi jinsab il-Libja.
Kien hemm ukoll spekulazzjoni li hu aktarx kien indarab f’attakk mill-ajru mmexxi mill-Amerikani imma s’issa sorsi Amerikani qalu li ma jistgħux jgħidu jekk indarabx jew le.
Emwazi ilu ma jidher f’video tal-ISIS minn Jannar. Hu kien sar magħruf madwar id-dinja kollha għaliex kien jidher b’wiċċu mgħammad bl-iswed u jitkellem bl-Ingliż hekk kif inqatlu fost l-oħrajn l-Amerikan James Foley u l-Ingliżi Steven Sotloff, David Haines u Alan Henning.
Suspetti li ‘Jihadi John’ jinsab il-Libja


