Lokali Qorti

Fil-Qorti : Koppja tirrakonta kif seħħ l-inċident tat-tifel Libjan imtajjar f’St Andrews

Quddiem il-Maġistrat Carol Peralta, fil-Qorti llum, fil-bidu tal-kumpilazzjoni tal-provi, xehdet koppja barranija li kienet fit-triq f’St Andrews, dakinhar li seħħ l-inċident li kkaġuna l-mewt ta’ tifel Libjan, ta’ 10 snin.

Fatih Pancar, Tork ta’ 38 sena, qed jiġi mixli li b’mod involontarju kkaġuna l-mewt ta’ Rodwan Aghil, fil-jum tat-30 ta’ Mejju għall-ħabta tat-3.30pm.

Il-koppja John u Jessica Davis xehdu kif ir-raġel kien qed isuq fuq Triq il-Kosta, direzzjoni lejn San Ġiljan, meta qrib il-liwja ħdejn l-eks-Lukanda Forum, karozza Peugeot ħamra qalgħethom. Dak il-ħin, il-mara kkummentat li ma messux qalagħhom f’liwja. Davis qal li kien qed isuq b’madwar 50 kilometru fis-siegħa u li fil-karozza Peugeot ħamra kien hemm is-sewwieq raġel u passiġġier raġel.

Davis spjega wkoll kif wara li ż-żewġ karozzi qabżu t-traffic lights ta’ ħdejn il-Luxol, sema’ daqqa u ħoss qawwi ta’ brejkijiet u malli ħares lejn il-karozza ta’ quddiemu, ra tifel mgħolli b’mod sostanzjali fl-ajru. Qal li l-karozza ħamra kienet fuq in-naħa l-oħra tat-triq, li s-sewwieq waqaf u niżel jiġri mill-karozza, jibki u jgħajjat.

Kemm Davis kif ukoll martu qalu li ma rawx l-impatt tal-karozza mat-tifel u lanqas lit-tifel jaqsam it-triq.

Fix-xhieda tagħha, Jessica Davis kienet emozzjonata ħafna tant li l-vuċi tagħha kienet imriegħda u f’ħinijiet minnhom, anke bkiet. Żiedet tgħid li mal-impatt, il-karozza ħamra daret fuqha nnifisha.

Xehed ukoll Ersin Hulur, Tork, li dakinhar tal-inċident kien il-passiġġier fil-karozza misjuqa minn Pancar. Spjega li ż-żewġt irġiel kienu marru jixtru x-xorb minn San Pawl il-Baħar għall-ħanut ta’ Pancar u li fit-triq lura, iddeċidew li jgħaddu minn Triq il-Kosta. Spjega li Pancar kien qed isuq b’veloċità “normali” ta’ 50 jew “l-iktar” 60 kilometru fis-siegħa.

Spjega li f’ħin minnhom ra xi ħaġa tolqot lill-windscreen tal-karozza u għatta għajnejh waqt li spjega li kienet qisha xi ħaġa li waqgħet mill-ajru. Qal ukoll li ma kien ra lil ħadd jipprova jaqsam, u li meta Pancar waqqaf il-karozza, iż-żewġt irġiel kienu f’xokk u kien dan il-ħin li raw lit-tifel.

Qal li hu kien ipparalizzat bix-xokk li kellu fuqu imma li sieħbu niżel għarkubbtejh ħdejn it-tifel, u tah it-telefon ċellulari biex iċempel lill-Pulizija imma hu ma setax jikteb in-numri.

Xehdet ukoll l-Ispettur Carol Fabri li qalet kif il-Pulizija kienet infurmata bl-inċident imma t-tifel ma kellux mezz ta’ identifikazzjoni fuqu. Żewġ infermiera li kienu fl-inħawi, assistew lit-tifel u lis-sewwieq li kien taħt xokk. Qalet ukoll li t-tifel ittieħed l-Isptar Mater Dei għall-kura u daqs siegħa wara, il-Pulizija ġiet infurmata li kien tilef ħajtu.

Il-Pulizija ħarġet struzzjonijiet interni biex min imur ifittex tifel nieqes, kellu jirrikorri għall-għassa ta’ San Ġiljan. L-Ispettur qalet li għall-ħabta tat-8.00pm, oħt it-tifel u zijuh marru fl-għassa, u wara li ddeskrivew kif kien liebes, ittieħdu l-isptar fejn identifikaw it-tifel fil-Kamra Mortwarja.

Iktar tard, missier it-tifel u ħutu subien marru l-isptar u s-sewwieq ġie arrestat. L-Ispettur ikkonfermat li l-karozza nvoluta fl-inċident kellha daqqa fuq il-bonnet u fuq il-windscreen u li kienet wieqfa fil-karreġġjata l-oħra.

Flimkien mal-Ispettur Fabri, il-Prosekuzzjoni qed titmexxa wkoll mill-Ispettur Trevor Micallef. L-avukati Jason Azzopardi u Kris Busietta qed jidhru għall-akkużat.