Lokali

Id-diversi “kummiedji” ta’ bħalissa qed itellfu l-appoġġ lill-Gvern – Marlene Farrugia

Id-Deputat Laburista Marlene Farrugia ssostni li l-poplu qed jitlef l-appoġġ fil-Gvern minħabba dawn id-diversi każi li qed iseħħu bħalissa u li hi sejħitilhom “kummiedji”. Fuq Facebook, id-Deputat Laburista sostniet li l-eżempju għall-governanza nadifa għandu jibda minn fuq.

Il-ħuta minn rasha tinten, sostniet id-Deputat Laburista, li kompliet li wara s-sagrifiċċji personali u familjari kollha li għamlet biex tellgħet Gvern Laburista, issa kellha tasal f’sitwazzjoni li toħroġ tipprotesta biex tipproteġi l-Ambjent.

Marlene Farrugia qalet li ma tistax tifhem kif qed ifaqqsu l-iskandli kollha, li r-riżultat aħħari tagħhom hu biex jittieħed mingħand il-ħafna biex igawdu ftit persuni. Min jiekol b’ħamest iħluq minn flus il-poplu u min jitqanżaħ biex jgħaddi b’€500 fix-xahar. Min jgħaddi Bord f’erbat ijiem u min mifluġ u mfaqqar ikaxkar is-snin, sostniet Marlene Farrugia.

Fil-kitba tagħha, id-Deputat Laburista kompliet li hawn min jinstablu mpjieg ta’ €60,000 mal-Enemalta u min jitqanċaċ bi prekarjat ta’ €600 fix-xahar u kif jitkellem jitkeċċa. Fi kliem dirett, Farrugia qalet li “dan mhux il-Gvern li ħdimna għalih”. Filwaqt li sostniet li l-Gvern Laburista għadu f’nofs leġiżlatura, appellat biex il-Gvern ibiddel it-triq ħalli jikseb suċċessi fil-kwalità ta’ governanza.

Fil-kitba tagħha, Marlene Farrugia fakkret lill-Prim Ministru fl-appoġġ tal-poplu u qalet li Joseph Muscat m’għandux għaliex jagħmel kompromessi ma’ gruppi jew individwi. L-interess tal-poplu jrid jitpoġġa l-ewwel u qabel kollox, f’kull ħin u dejjem f’kull deċiżjoni, temmet tappella d-Deputat Laburista.

Marlene Farrugia FB Kazi Kummiedji u l-Fiducja 230615