Il-Gvern li Jisma’ ttarrax wara sentejn biss. Dan qalu l-Partit Nazzjonalista fi stqarrija b’rabta ma’ storja ppubblikata llum f’ġurnal lokali.
L-istorja, ippubblikata f’The Times of Malta, qalet li Uffiċjali mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’Kastilja qed iċemplu lil dawk li jipparteċipaw fl-attività Gvern li Jisma’ biex jaraw jekk il-mistoqsijiet li jkunu se jsiru jogħġbuhomx jew le. Jekk le, dawn l-Uffiċjali jordnaw lill-parteċipanti biex ma jagħmlux il-mistoqsija tagħhom.
Il-Partit Nazzjonalista qal li dan kollu jikkonferma kif f’sentejn biss, il-Prim Ministru Joseph Muscat qed jagħżel li jkun iżolat u jinqata’ minn man-nies. L-attività Gvern li Jisma’ spiċċat saret reċta b’kontroll ta’ dak li jingħad u xi jkun mistoqsi.
Il-każ beda hekk kif il-Ħamis li għadda, negozjant partikolari xtaq jipparteċipa fl-attività iżda ftit sigħat qabel, kellu telefonata mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru biex ma jagħmilx mistoqsijiet dwar il-MEPA u d-Dipartiment tal-Artijiet. Dakinhar, l-attività kienet indirizzata mis-Segretarju Parlamentari Michael Falzon, li miegħu hemm marbut l-Iskandlu ta’ Strada Zekka.
Negozjant ieħor li kellu kwistjoni mad-Dipartiment tal-Artijiet ukoll xtaq jagħmel mistoqsija dakinhar li kien hemm Michael Falzon, iżda wkoll ma tħalliex. Il-kontroll minn Kastilja fl-attività Gvern li Jisma’ ma sarx biss dakinhar li kien hemm Michael Falzon iżda, skont The Times, il-proċess li jċemplu lin-nies biex jaraw x’se jistaqsu jsir ħafna drabi.
Jirriżulta li meta wieħed iċempel biex jibbukja post għall-attività, jgħidulek li tista’ tistaqsi li trid. Madankollu, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru jiddeċiedi jekk jaċċettax il-mistoqsija jew le, bil-persuna tkun mgħarrfa dakinhar tal-attività stess.
Fl-istqarrija tiegħu, il-Partit Nazzjonalista qal li dawn il-każi jkomplu jikkonfermaw kemm Muscat jagħmel dak li jrid biex imbagħad, min ma jaqbilx miegħu jgħajru bħala estremist.
//= $special ?>

