Ambjent Lokali

Il-Kulleġġ San Albert il-Kbir “implikat b’mod inġust” fil-kwistjoni taż-Żonqor

Il-Kulleġġ San Albert il-Kbir ġie implikat b’mod inġust fil-kwistjoni tal-bini f’art barra miż-żona tal-iżvilupp u b’mod inġust tqiegħed fuq l-istess livell ta’ dak li hu maħsub li jsir f’Żonqor Point.
Kien b’dan il-kliem li l-Provinċjal tal-Ordni Dumnikana ta’ pajjiżna iddeskriva s-sitwazzjoni li żvolġiet fl-aħħar jiem fix-xena tal-aħbarijiet lokali, meta l-Kulleġġ San Albert il-Kbir spiċċa imqabbel mal-iżvilupp li l-Gvern qed jipproponi f’art barra miż-żona tal-iżvilupp fiż-żona taż-Żonqor, f’Marsaskala.
L-istqarrija tgħid li l-Kulleġġ San Albert il-Kbir ilu jopera bħala istituzzjoni edukattiva bla profitt f’pajjiżna sa mill-1948. Minħabba l-post tiegħu fiċ-ċentru tal-belt Valletta, il-Kulleġġ ilu għexieren ta’ snin jaffaċja problema ta’ spazju, tant li ilu wkoll żmien twil jikkunsidra rilokazzjoni għal post alternattiv, fejn il-Kulleġġ ikun jista’ jopera b’mod aħjar.
It-tfittxija għal dan is-sit alternattiv waslet lil Provinċja Dumnikana biex tikkunsidra li tibni Kulleġġ fin-nofsinhar ta’ Malta, minħabba il-ħtiġijiet edukattivi ta’ dik in-naħa ta’ Malta. L-ewwel għażla tal-Provinċja, tgħid l-istqarrija, kienet proprjeta’ tal-Provinċja stess fiż-Żejtun. Biss, din l-istess proprjeta’ ġiet imwarrba minabba li fil-viċinanzi hemm bosta raba’.
Iktar tard, ġie propost li l-Provinċja Dumnikana tagħmel użu mis-sit li, fil-ftehim bejn il-Gvern u l-Knisja, kien riżervat għall-skopijiet edukattivi u pastorali. Dan is-sit, li jinsab f’Ħal Għaxaq, fil-Pjan Lokali għan-Nofsinhar ta’ Malta hu identifikat bħala “Żona riservata għal skopijiet edukattivi” u fi kliem l-istqarrija, intgħażel wara li fuq perjodu ta’ madwar sentejn sar eżerċizzju ta’ evalwazzjoni flimkien mal-MEPA, ta’ madwar 20 sit.
L-istqarrija ttenni li fid-dawl ta’ dan, il-Provinċja Dumnikana tħoss li l-Kulleġġ tagħha ġie implikat b’mod inġust fil-kwistjoni tal-bini f’art ODZ. Il-proġett propost mill-Provinċja ilu jiġi ikkontemplat għal dawn l-aħħar 10 snin sħaħ, u huwa proġett soċjali b’risq l-edukazzjoni tal-poplu.
Il-Provinċja saħħqet li dan il-proġett edukattiv kien parti minn pjan nazjonnali. L-istess stqarrija ttenni li l-Provinċja hija konxja li tul dawn is-snin sar sfreġju inkalkolabli fuq il-ftit art li għandna f’pajjiżna. U għalhekk, fid-dawl ta’ dan kollu, il-Provinċja tibqa’ miftuħa għal kull proposta realistika li tiġi offruta lilha mill-Gvern, u li din possibilment tkun fin-Nofsinhar ta’ Malta.