Bejn it-3 u s-17 ta’ Lulju se tittella’ s-17-il edizzjoni tal-Lifecycle Challenge biex jinġabru flus għar-riċerka, il-kura u l-prevenzjoni tal-mard tal-kliewi. Din is-sena, il-Lifecycle Challenge se ssir fl-Iżlanda fuq distanza ta’ aktar minn 2,000km.
Il-parteċipanti tal-edizzjoni ta’ din is-sena, illum waranofsinhar iltaqgħu mal-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil fid-Dar Ċentrali.
Simon Busuttil awgura li l-isfida ta’ din is-sena tkun ta’ suċċess bħalma kienet fis-snin li għaddew, minkejja li din is-sena hi sfida kemmxejn diffiċli, għalkemm sabiħa. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ħeġġeġ lill-poplu biex jgħin f’inizjattivi bħal dawn, li l-iskop warajhom dejjem ikun li jkunu salvati l-ħajjiet.
Kulmin jixtieq jagħmel id-donazzjonijiet tiegħu jista’ jżur il-Paġna tal-Lifecycle Challenge fuq Facebook jew is-sit elettroniku lifecyclechallenge.com.
//= $special ?>