Lokali Qorti

Il-Partit Laburista f’aktar tentattivi u manuvri biex itawwal il-kawża Kostituzzjonali

Il-Partit Laburista qed jagħmel tentattiv legali ieħor biex ikompli jtawwal iż-żmien fil-Kawża Kostituzzjonali li l-Partit Nazzjonalista qed jagħmel kontra l-Kummissjoni Elettorali dwar żbalji li saru waqt l-għadd tal-voti fit-tmien u t-13-il distrett elettorali fl-aħħar elezzjoni ġenerali.

Il-każ qed jinstema’ quddiem l-Imħallef Lorraine Schembri Orland wara li l-Qorti Kostituzzjonali annullat is-sentenza mogħtija mill-Imħallef Jacqueline Padovani Grima meta sabet li l-Partit Laburista kellu interess fil-kawża u għalhekk kellu jkun parti fil-kawża.

Madankollu, il-Kawża li reġgħet bdiet tinstema’ mill-ġdid kellha żvolta ġdida meta propju fil-jum li kellha tinstema’ l-Kawża, il-Partit Laburista fetaħ Kawża Kostituzzjonali ġdida quddiem il-Prim’Awla biex jilmenta li bid-deċiżjoni tagħħa fl-Appell, il-Qorti Kostituzzjonali kisret id-drittijiet fundamentali tal-Partit Laburista għal smigħ xieraq skont il-Konvenzjoni Ewropea.

Il-Partit Laburista qed jitlob lill-Qorti biex tieqaf milli tisma’ l-każ li ressaq il-Partit Nazzjonalista dwar l-iżball tal-Kummissjoni Elettorali ħalli l-ewwel tinstema’ l-Kawża tal-Partit Laburista. Għal din it-talba, l-Avukat f’isem il-Partit Nazzjonalista wieġeb li l-Avukat tal-Partit Laburista għażel li jippreżenta r-Rikors issa bi strateġija u bi skop ċar li jtawwal il-proċeduri fuq sentenza mogħtija mill-ogħla Qorti f’Malta, il-Qorti Kostituzzjonali.

F’Marzu 2013, il-Partit Nazzjonalista ressaq il-każ dwar żball li kien sar fl-għadd tal-voti fl-elezzjoni ġenerali. Il-Qorti Kostituzzjonali kienet ordnat li l-Partit Nazzjonalista kellu jingħata ż-żewġ siġġijiet mitlufa minnu, iżda l-Qorti tal-Appell kienet bidlet din id-deċiżjoni u qalet li l-każ kellu jerġa’ jinstema mill-bidu minħabba li l-Partit Laburista kellu jkun inkluż mill-bidu fil-proċeduri legali.

Għall-Partit Nazzjonalista deher l-Avukat Paul Borg Olivier, filwaqt li l-Partit Laburista hu rappreżentat mill-Avukati Toni Abela u Lydia Abela. Preżenti fl-Awla kien hemm ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Rosette Thake, id-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg u l-kandidati Nazzjonalisti Frederick Azzopardi u Edwin Vassallo.