Lokali Parlament

L-Oppożizzjoni tappoġġja lill-Gvern fil-pożizzjoni ta’ Malta dwar il-kriżi fil-Greċja

L-Oppożizzjoni tenniet l-appoġġ għall-Gvern fil-pożizzjoni li qed jieħu fil-laqgħat għolja li qed isiru b’rabta mal-kriżi li qed tiffaċċja l-Greċja u l-pożizzjoni li qed tieħu l-Unjoni Ewropea biex ikun hemm progress dwar is-sitwazzjoni nkwetanti tal-poplu Grieg.

Wara stqarrija li għamel illejla l-Prim Ministru Joseph Muscat fil-Parlament dwar l-aħħar żviluppi b’rabta mal-kriżi Griega, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal li l-Oppożizzjoni qiegħda fuq l-istess linja tal-Gvern.

L-Oppożizzjoni tixtieq tara l-prattika tal-gvern ta’ qabel, li l-Gvern illum ukoll jitkellem informalment mal-Oppożizzjoni qabel u wara li jkunu qed iseħħu dawn it-taħditiet u l-laqgħat fl-istrutturi Ewropej.

Simon Busuttil qal li l-Oppożizzjoni trid tkun vuċi waħda mal-Gvern għaliex hemm interessi wkoll finanzjarji kbar bħala pajjiż, f’self u f’garanziji lill-Greċja.

L-Oppożizzjoni tixtieq li mas-solidarjetà mal-Greċja, ikun hemm responsabbiltà wkoll mill-Greċja hekk kif awgura li jintlaħaq ftehim din il-ġimgħa stess.

Staqsa lill-Prim Ministru jgħid jekk iħossx li l-Prim Ministru Grieg hux qed jagħmel biżżejjed biex joħroġ lill-Greċja mill-problemi finanzjarji li jinsab fihom pajjiżu.

Il-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni għall-Ħidma fil-Parlament u Shadow Minister għall-Finanzi, Mario de Marco, qal li dan hu perjodu diffiċli għall-Greċja, għal pajjiżna u wkoll għaz-zona ewro u għall-UE.

Spjega li Malta wkoll tat l-id tas-solidarjetà u issa rridu li l-Greċja tirrispondi, u tagħti programm realistiku dwar kif se trodd lura lill-Ewropa dak li tat l-Ewropa. Dan hu prezz li issa trid tħallas il-Greċja għall-aċċessi li għamel dan il-pajjiż tul is-snin.
Mario de Marco qal li l-Greċja għandha tkun konxja u realistika fil-proposti li qed tagħmel issa, u li l-Oppożizzjoni qed tistenna reazzjoni serja mill-Greċja.

Id-Deputat Nazzjonalista u Kelliem għall-Affarijiet Barranin, Tonio Fenech, tkellem mill-esperjenza bħala Ministru tal-Finanzi, u qal li l-Gvern Grieg meta jiġi għad-diskussjonijiet mal-Kummissjoni Ewropea u l-istituzzjonijiet Ewropej, iwiegħed ħafna u semma li għal darb’oħra, il-wegħdiet li qed isiru llum qegħdin ukoll isiru għall-futur.

Appella li rridu noqogħdu attenti li jkun hemm rieda li jitwettqu l-wegħdi li qiegħed jagħmel il-Gvern Grieg illum waqt li rrimarka li l-Gvern Grieg mhux qiegħed juri rieda biżżejjed min-naħa tiegħu.

Tonio Fenech semma li llum għadhom validi ideat tal-passat li l-Gvern Grieg joffri xi garanziji, bħalma hu proċess ta’ privtizzazzjoni biex flus jidħlu b’dan il-mod iservu bħala garanziji reali.

Fir-rimarki tiegħu, fit-tmiem id-dibattitu dwar il-kriżi fil-Geċja, il-Prim Ministru qal li se jkun hemm bżonn żgur xi tip ta’ ristrutturar biex jingħata aktar nifs lil min se jkun qiegħed iħallas lura d-dejn.

Fisser ukoll li din hi l-ewwel darba li hemm proposti konkreti b’dokumenti li jiffurmaw pakkett li jistgħu jwasslu għal soluzzjoni li hu importanti li tintlaħaq sal-aħħar tax-xahar.

Sejjaħ bħala sitwazzjoni drammatika l-istat li tinsab fih il-Greċja, hekk kif fisser ukoll li nuqqas ta’ ftehim mhu fl-interess ta’ ħadd.