Lokali Parlament

L-Oppożizzjoni tfittex rimedji oħrajn jekk il-Gvern jagħti l-poter lill-Kummissjoni Elettorali li tirregola l-partiti politiċi

L-Oppożizzjoni se tkun qed tfittex rimedji oħra jekk il-Gvern jibqa’ għaddej u jivvota bil-maġġoranza li għandu fil-Parlament biex tkun il-Kummissjoni Eelettorali li tirregola l-liġi dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi.

Ix-Shadow Minister Chris Said iddikjara dan fil-Parlament meta bħalissa qed tkompli d-diskussjoni fil-Kumitat dwar l-Abbozzi ta’ Liġijiet, dwar il-liġi li għandha tirregola l-finanzjament tal-partiti politiċi.

L-Oppożizzjoni ma temminx u m’għandhiex fiduċja fil-Kummissjoni Elettorali bħala l-awtorità regolatorja dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi. L-Oppożizzjoni mhix se taċċetta li l-Kummissjoni Elettorali tkun ir-regolatur għaliex f’dan il-prinċipju ma temminx fih u se tkun lesta wkoll tieħu rimedji oħrajn.

Chris Said fisser li l-Oppożizzjoni ilha tesprima ruħha kontra din il-proposta tal-Gvern. L-Oppożizzjoni temmen li għandu jkun il-Parlament li jaħtar Kummissarju bħala l-awtorità regolatorja għall-finanzjament tal-partiti politiċi, u li dan jiġi elett mill-Parlament b’żewġ terzi tal-voti. Il-Kummissarju jkun ukoll iwieġeb lill-Parlament.

Dwar din il-proposta tal-Gvern li tkun il-Kummissjoni Elettorali li tkun l-awtorità regolatorja, hemm ukoll l-Alternattiva Demokratika li mhix taqbel li din il-funzjoni importanti għandha tgħaddi f’idejn il-Kummissjoni Elettorali.

Il-Ministru Owen Bonnici, f’isem il-Gvern, argumenta li l-Kummissjoni ilha mwaqqfa s-snin, u li l-aktar deċiżjoni għaqlija biex din il-liġi tidħol fis-seħħ malajr u bla problema, għandha tkun li din il-liġi tibda titħaddem mill-Kummissjoni Elettorali.

Chris Said irrimarka li l-Kummissjoni wkoll trid iż-żmien biex tikseb l-għarfien biex tħaddem din il-liġi u għaldaqstant, dan l-argument ma jreġġix.

Dwar dan il-prinċipju importanti, il-Kumitat għandu jieħu vot fi stadju ieħor tal-Kumitat Parlamentari.