Lokali Parlament

Muscat jiddefendi it-€13,000 fix-xahar lill-mara tal-Ministru Konrad Mizzi

Tħallset diġà kwart ta’ miljun ewro f’sentejn

Il-Prim Ministru Joseph Muscat iddefenda bis-saħħa l-ħatra tal-mara tal-Ministru Konrad Mizzi li f’sentejn diġà tħallset kwart ta’ miljun ewro u sal-lum il-Prim Ministru u l-Gvern għadu ma qalx x’riżultai ġabet għall-pajjiż.

Iffaċċjat fil-Parlament b’mistoqijiet ċari u diretti mill-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, biex jiddikjara jekk hux aċċettabbli għall-Prim Ministru li jimpjega mara ta’ Ministru, il-Prim Ministru Muscat wieġeb u ddikjarat li jikkritika l-ħatra li ngħatat il-mara tal-Ministru Konrad Mizzi jekk ma ġġibx ir-riżultati, bil-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil jistaqsi lill-istess Prim Ministru biex jgħid issa, fil-Parlament, x’riżultati ġabet fl-aħħar sentejn.

Għal dawn il-mistoqsijiet ċari, il-Prim Ministru baqa’ jiddefendi l-ħatra tal-mara tal-Ministru Konrad Mizzi filwaqt li rrimarka li l-kritika tal-Oppożizzjoni hi ġustifikata jekk il-mara tal-Ministru Konrad Mizzi ma ġġibx ir-riżultati.

Iżda għal kważi nofs siegħa sħiħa, il-Prim Ministru Muscat ma semma ebda riżultat, u qal li r-riżultati se jibdew jitħabbru dalwaqt.

Il-każ tal-mara tal-Ministru Konrad Mizzi tqajjem fil-ħin tal-mistoqsijiet parlamentari, wara li l-istess Konrad Mizzi ddikjara għal mistoqsijiet tax-Shadow Minister Claudette Buttigieg, li ma ħassx li kien aċċettabbli l-impjieg ta’ eks-Spetutur tal-Pulizija li ġie boarded out mill-Korp, u ftit wara ngħata impjieg bħala konsulent tal-Enemalta.

Il-Ministru Konrad Mizzi qal li ħass li kellu jagħti struzzjonijiet liċ-Chairman tal-Enemalta biex iwaqqaf dan l-impjieg li qal li kien ta’ konsulenza għall-Enemalta biex jiġi miġġieled is-serq tal-elelttriku.

Mistoqsi biex iwieġeb jekk għall-Gvern mhux aċċettabbli li mara ta’ Ministru tiġi impjegata mingħajr sejħa pubblika b’salarju ta’ €13,000 fix-xahar, il-Prim Ministru wieġeb hu, u ma ħalliex lill-Ministru Konrad Mizzi jwieġeb.

Gvern Nazzjonalista fil-futur ma jippermettix li mara jew raġel ta’ Ministru tkun impjegata mingħajr sejħa pubblika
Il-Prim Ministru qal li l-issue mhix l-ammont tal-paga, iżda jekk il-mara tal-Ministru ġġibx ir-riżultati, bil-Kap tal-Oppożizzjoni jiddikjara li Gvern Nazzjonalista fil-futur ma jippermettix li mara jew raġel ta’ Ministru tkun impjegata mingħajr sejħa pubblika.

Għall-mistoqsija tal-Kap tal-Oppożizzjoni biex jispjega kif il-Gvern kien jaf li l-mara tal-Ministru Mizzi, Sai Mizzi, hi l-aħjar waħda għall-pożizzjoni li ngħatat jekk ma saritx sejħa pubblika, il-Prim Ministru baqa’ jiddefendi lill-mara tal-Ministru Konrad Mizzi.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni saħaq li l-poplu qiegħed jistaqsi dawn il-mistoqsijiet għaliex il-mara tal-Ministru Mizzi qed titħallas mit-taxxi tal-poplu.

Għall-mistoqsija tal-Kap tal-Oppożizzjoni biex il-Gvern ikun ċar u jgħid jekk dak li qal il-Gvern illum fil-Parlament ifissirx li hu aċċettabbli li mara ta’ Ministru tingħata ħatra mal-Gvern bi €13,000 fix-xahar magħżula mingħajr sejħa pubblika, Muscat qal li l-Gvern għandu dritt jagħżel li jaħtar lil min hu l-aħjar.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil wieġeb li mhux xieraq, f’ġieħ il-wegħdi ta’ dan il-Gvern dwar it-trasparenza u l-meritokrazija, li jkollok ministru li l-mara tiegħu tiġi maħtura mill-Gvern b’paga esaġerata għaliex hi l-mara ta’ Ministru.

Simon Busuttil fisser ukoll li dan mhux attakk fuq il-persuna, iżda attakk fuq il-politika u d-deċiżjonijiet ta’ dan il-Gvern, u dan il-Gvern ma jridx jifhem.