Lokali

Opinjonista Laburista jammetti li fl-iskandlu ta’ Gaffarena kien hemm ksur ta’ liġi

L-opinjonista Laburista l-Avukat Robert Abela jammetti li fil-każ tal-iskandlu ta’ Gaffarena diġà hemm ksur tal-liġi. Din id-dikjarazzjoni l-Avukat Robert Abela għamilha waqt il-programm Times Talk li xxandar fuq TVM u li fih ipparteċipaw l-Avukat Carol Aquilina, il-President tal-Kunsill Amministrattiv tal-PN u l-Avukat u opinjonista Laburista Robert Abela nnifsu.

Il-ksur tal-liġi tqanqal minn Carol Aquilina li spjega li l-kuntratt li l-Gvern għamel ma’ Gaffarena jikser il-liġi. Il-pożizzjoni ta’ Carol Aquilina dwar ksur tal-liġi kienet konfermata mill-Avukat Robert Abela li kkonferma li r-regola tat-30% kienet eċċeduta.

Fil-programm intweriet ukoll intervista mas-Segretarju Parlamentari Michael Falzon, li tefa’ r-responsabbilta fuq il-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Artijiet u qal li kienu huma li għamlu l-evalwazzjonijiet tal-propjeta’ u li hu ma ndaħal f’xejn.

Dan ikompli jitfa’ taħt pressjoni lil Gvern ta’ Joseph Muscat, biex jerfa’ responsabbilta’, anke wara li t-Tnejn il-Kap tal-Oppożizzjoni fil-Parlament sejjaħ għar-riżenja tas-Segretarju Parlamentari Michael Falzon.

It-Tnejn, il-Kap tal-Oppożizzjoni appella lill-Prim Ministru jerfa’ wkoll hu r-responsabbiltà politika għaliex dan l-iskandlu seħħ taħt imnieħer il-Prim Ministru Muscat li żamm taħt ir-responsabbiltà tiegħu stess id-Dipartiment tal-Lands.