Ambjent Lokali

Ritratti: Ċertifikat ta’ Eċċelenza minn Trip Advisor għall-ġonna tal-Barrakka ta’ Fuq

Il-Barrakka ta’ Fuq hu wieħed mill-aktar ġonna popolari f’Malta u li joffri wkoll veduti spettakolari tal-Port il-Kbir.

Fl-aħħar jiem, il-Konsorzju ELC, responsabbli mill-Barrakka ta’ Fuq, ingħata ċ-Ċertifikat ta’ Eċċellenza mis-sit Trip Advisor.

Minn Trip Advisor, turisti li jkunu żaru postijiet partikolari jkunu jistgħu jikkumentaw dwar l-esperjenza tagħhom.

Dan iwassal biex min, fil-futur, ikollu ħsieb iżur dawk il-postijiet, jidħol fuq is-sit elettroniku biex ikollu idea ta’ x’jista’ jsib. Dan iservi wkoll ta’ reklam għall-post, f’dan il-każ għall-Barrakka ta’ Fuq.

Il-ġnien fil-Barrakka ta’ Fuq hu wieħed mill-ġonna pubbliċi li hu frekwentat ħafna mit-turisti li jżuru pajjiżna u li jaqa’ taħt il-ħarsien tal-ELC.

MaltaRightNow.com tkellem ma’ Randolph Spiteri, kelliem għall-Konsorzju ELC, li qal li dan iċ-Ċertifikat seta’ jingħata grazzi għad-dedikazzjoni u l-professjonalità tal-ħaddiema tal-Konsorzju.