Internazzjonali Unjoni Ewropea

Sodisfazzjon wara l-proposti tal-Greċja

Il-Mexxejja taż-Żona Ewro qed jidhru sodisfatti dwar il-proposti għar-riformi li teħtieġ tieħu l-Greċja biex ittaffi l-kriżi fiskali tagħha. Dan hekk kif feġġew it-tamiet ġodda li jista’ jintlaħaq ftehim fi kwistjoni ta’ ġranet, li jevita sitwazzjoni fejn il-Greċja ma tirrispettax l-obbligi tagħha rigward id-djun mal-kredituri internazzjonali.

Il-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel qalet li l-aħħar offerta min-naħa tal-Greċja tikkostitwixxi livell ta’ progress, għalkemm għamlitha ċara li ż-żmien ma jippermettix u li fadal ħafna xi jsir għal soluzzjoni konkreta. Il-Greċja trid tħallas lura €1.6 biljun lill-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) sal-aħħar tax-xahar u jekk tonqos minn dan, tkun qed tissogra li toħroġ mill-ewro u possibbilment ma tkomplix tifforma parti mill-Unjoni Ewropea.

Minkejja li jonqos għal ftehim, jidhru li tneħħew xi ostakli ewlenin, hekk kif hu mifhum li ‘l quddiem il-Greċja tista’ tintrabat biex iddaħħal it-taxxi ġodda għas-sinjur u n-negozji, filwaqt li timplimenta ż-żidiet selettivi fil-ħlas tal-VAT.