Konsulent ukoll b’rabta mal-proposti fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista
Fil-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol hemm fil-preżent 26 konsulent, bl-akbar salarju fost dawn il-konsulenti hu dak ta’ €78,000, li għandu l-kariga ta’ Konsulent għall-Ministeru. L-ispiża f’konsulenzi f’dan il-Ministeru tlaħħaq iċ-ċifra ta’ €698,051.
Hemm żewġ konsulenti oħrajn bl-istess responsabbiltà ta’ konsulenza għall-Ministeru, li iżda għandhom salarju li hu anqas minn nofs is-salarju ta’ €78,000, wieħed bi ħlas ta’ €31,421 u ta’ €26,687.
Fost il-konsulenti f’dan il-Ministeru hemm konsulent b’rabta mal-proposti fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista, b’salarju ta’ €28,420 fis-sena.
Għal mistoqsija li saret mid-Deputat Nazzjonalista Carmelo Mifsud Bonnici, il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, Evarist Bartolo, ta lista tal-konsulenti li huma maħtura fil-Ministeru tiegħu.
Mis-26 konsulent, minbarra dawk diretti marbuta mas-settur tal-edukazzjoni, hemm konsulent għall-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla, żewġ konsulenti għall-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ, konsulent għall-qasam sportiv mal-Kunsill Malti għall-Isport, u konsulent ieħor għall-Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija bil-kariga ta’ China Expert Liason Consultant.
Jirriżulta wkoll li s-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għandu wkoll konsulent.
//= $special ?>