Il-Maġistrat Antonio Vella ħeles lil żewġ attivisti tal-Birdlife, dalgħodu fil-Qorti, akkużati li kienu fil-pussess illegali ta’ għasafar protetti wara li dehru f’ritratt li Birdlife stess kienet bagħtet lill-istampa dwar għasafar protetti milquta minn armi tan-nar.
Il-Pulizija kienet ressqet lil Fiona Burrows u lil Nicholas Barbara, dwar pussess ta’ għasafar protetti, iżda l-Maġistrat iddeċieda li għalkemm huma dehru fir-ritratt, ma kien hemm ebda intenzjoni li jitwettaq reat, li hu element essenzjali għal akkuża kriminali.
Innota wkoll li l-Prosekuzzjoni ma tatx biżżejjed provi biex issostni kontra l-argument tad-Difiża, li l-attivisti kienu awtorizzati jżommu għasafar protetti li kienu midruba, kull tant maqtula, minħabba kaċċa illegali.
Il-każ kien beda fil-Qorti wara li Maġistrat laqa’ t-talba għal azzjoni kriminali kontra l-attivisti wara li l-Federazzjoni Kaċċaturi u Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) kienet talbet lill-Pulizija tinvestiga meta f’Ottubru tal-2012, il-Birdlife ppubblikat ir-ritratt.
Il-Pulizija ma kinitx ħadet passi sakemm l-FKNK, iktar tard, sfidat lill-Kummissarju tal-Pulizija fil-Qorti dwar din id-deċiżjoni.
Għall-Birdlife deher l-avukat Stephen Tonna Lowell waqt li l-avukat Kathleen Grima dehret għall-FKNK.
L-avukat tal-FKNK saħqet li l-liġi ma tagħmel ebda differenza bejn kaċċatur u persuna li mhix kaċċatur fejn jidħol il-pussess ta’ għasafar protetti. Imma l-avukat tal-Birdlife saħaq li dan l-argument mhux biżżejjed u ta l-eżempju ta’ pussess ta’ droga fejn saħaq li bl-argument tal-FKNK, anke l-Pulizija, l-awtoritajiet tal-Qorti u l-ġurati għandhom jiffaċċjaw akkużi kriminali meta jkunu fil-pussess ta’ provi tal-Qorti.
Intant, b’rabta ma’ din id-deċijoni tal-Qorti, BirdLife Malta qalet li dan kien attentat fallut mill-FKNK biex isikktu l-appell tal-Birdlife li jikxfu l-illegalitajiet li jsiru fil-kampanja Maltija.
F’indirizz wara d-deċiċiżjoni tal-Qorti, Nicholas Barbara, wieħed mill-akkużati, qal li d-deċiżjoni tal-Qorti tikkonferma li l-għan ta’ Birdlife li tippromwovi l-konservazzjoni u ssalva għasafar li jkunu tpoġġew f’riskju mill-kaċċaturi, mhijiex offiża kriminali.
Il-każ hu dwar ritratt li deher f’Ottubru 2012 u li juri numru ta’ voluntiera ta’ Birdlife iżommu f’idejhom għasafar protetti midruba, bil-konsegwenza li l-FKNK kienet għamlet rapport biex il-Pulizija tinvestiga dan ir-ritratt.
Fid-deċiżjoni tagħha, l-Qorti qalet li ma kien hemm l-ebda intenzjoni kriminali f’dak li kienu qed jagħmlu l-voluntiera ta’ Birdlife.
Birdlife Malta qalet li dan il-każ huwa wieħed minn numru ta’ każijiet bl-involviment tal-avukat tal-FKNK Kathleen Grima kontra Birdlife Malta u l-attivisti tagħha bil-għan li jitwaqqfu milli jagħmlu xogħolhom. Nicholas Barbara qal li Birdlife Malta tirrufjuta li tkun aggredita b’dan il-mod.
//= $special ?>

