Lokali

€6.4 miljun f’kapital mitluf mill-Maltese Cross Financial Services

Humwa kważi €6.5 miljun il-flus illi sippost kienu għand il-Maltese Cross Financial Services u li skont l-MFSA instabu nieqsa.

Fi stqarrija l-MFSA qalet li l-użu ħażin u l-manipulazzjoni tal-assi tal-klijenti seħħ fil-biċċa l-kbira fir-rigward ta’ investimenti miżmuma mill-kumpanija Maltese Cross fuq bażi ta’ nominee – kumpanija li żżomm assi f’isimha, iżda li fil-verita’ jkunu ta’ ħaddieħor.

Abbażi tal-investigazzjonijiet li saru s’issa, seta’ jiġi stabbilit illi fid-data tal-11 t’Awwissu 2014 il-valur totali ta’ investimenti miżmuma mill-kumpanija fuq bażi ta’ nominee għan-nom tal-222 klijent tal-kumpanija suppost kellu jammonta għal ftit iktar minn €6,950,000. Madankollu, il-valur totali ta’ investimenti mhux mittiefsa u li allura kienu għadhom miżmuma fuq bażi ta’ nominee fid-data tal-11 t’Awwissu kien jammonta għal ftit inqas minn €475,000. Għaldaqstant jirriżulta li hemm nuqqas ta’ ftit aktar minn €6,475,000.

F’Marzu 2015, ġie ppreżentat rikors il-Qorti għax-xoljiment u l-likwidazzjoni tal-kumpanija
mid-diretturi ta’ din il-kumpanija.

L-Awtorità, bħala r-regulatur tal-kumpanija, talbet il-permess tal-Qorti biex tintervjeni fil-każ u din ir-rikjesta ġiet milqugħa mill-Qorti. Bħala miżura temporanja u sakemm tittieħed deċiżjoni minn naħa tal-Qorti dwar jekk il-kumpanija għandiex tiġi xolta, fit-28 ta’ Mejju 2015 il-Qorti appuntat lir-Riċevitur Uffiċjali bħala amministratur provviżorju tal-kumpanija sabiex jieħu taħt il-kontroll tiegħu l-kumpanija u l-assi kollha tagħha u sabiex jamministra n-negozju tal-kumpanija minflok id-diretturi.

L-amministratur proviżorju m’għandux is-setgħa li jbiegħ jew jiddisponi mill-assi tal-kumpanija
sabiex jitħallsu d-djun jew il-passiv tal-kumpanija. Jekk il-Qorti tiddeċiedi li l-kumpanija għandha
tiġi xolta u stralċjata, hemm imbagħad jinħatar likwidatur.

F’Awwissu li għadda 14-il investitur ippreżentaw protest fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili kontra d-Diretturi tal-kumpanija Maltese Cross Financial Services Ltd. fejn qegħdin jitolbu li jingħataw lura l-kapital mitluf bl-interessi b’kollox. Il-protest sar kontra d-Diretturi Jean Claude Bugeja, Robert Cutajar u Stephen Spiteri.