L-Istati Uniti flimkien ma’ diversi pajjiżi oħra se jgħinu lill-Gvern Niġerjan biex jirkupra flus li tul is-snin insterqu mill-fondi tal-pajjiż minn uffiċjali korrotti tal-Gvern.
Dan ħabbru Muhammadu Buhari, il-President il-ġdid tan-Niġerja, li żvela li l-Kaxxa tal-pajjiż kienet kważi vojta wara li tul is-snin, membri ta’ diversi gvernijiet serqu kemm felħu mill-finanzi tal-pajjiż.
Buhari kien elett f’Marzu bl-għajta tiegħu kontra l-korruzzjoni li fniet il-pajjiż.
In-Niġerja hi l-akbar prodottur taż-żejt fl-Afrika imma ħafna mid-dħul mill-bejgħ tiegħu jinsteraq. Buhari qal li issa dak iż-żmien spiċċa.
Filwaqt li ma qalx liema kienu l-pajjiżi, qal li hu mistenni li fi żmien tliet xhur ħafna mill-flus li nsterqu mill-poplu minn gvernijiet korrotti jinġiebu lura fil-pajjiż.
Ħidma internazzjonali biex jinstabu flus li nsterqu minn uffiċjali korotti
