Għawdex Lokali Parlament Saħħa

Il-Gvern għandu jgħid jekk hux se jipprivatizza l-Isptar ta’ Għawdex

Risposti mhux ħabi u nuqqas ta’ informazzjoni dwar x’hemm ippjanat għall-Isptar Ġenerali t’Għawdex

Id-Deputat Nazzjonalista Frederick Azzopardi appella lill-Gvern ikun ċar u jwieġeb il-mistoqsijiet tal-Oppożizzjoni dwar il-futur tas-servizzi tas-saħħa f’Għawdex. Appella wkoll lill-Gvern jitkellem mal-ħaddiema u jkun ċar u jgħid jekk hux veru li l-Isptar t’Għawdex se jkun privatizzat.

Meta tkellem fil-Parlament, il-Kelliem dwar Għawdex qal li l-poplu Għawdxi jixraqlu li jiġi trattat aħjar minn gvern li qed jaħrab minn mistoqsijiet ċari u diretti, u jinħeba biss wara t-tweġiba li s-servizzi tas-saħħa se jibqgġu b’xejn.

Filwaqt li fisser li hu favur kull żvilupp ta’ titjib fl-isptar t’Għawdex, Frederick Azzopardi qal li ilna sentejn nisimgħu dwar proġetti fis-saħħa f’Għawdex u s’issa għad hemm ħafna mistoqsijiet, dubji, xnigħat u ħabi ta’ informazzjoni.

Tkellem dwar dak li żviluppa fl-aħħar sentejn fl-Isptar ta’ Għawdex u qal li fl-aħħar tal-2014, tħabbar li l-Isptar t’Għawdex intgħażel għall-investiment ma’ Barts Medical School. Fakkar li kelliem għall-Ministeru tas-Saħħa qal li dan il-pass se jgħolli l-livell tal-Isptar f’Għawdex u jakkwista fama internazzjonali, filwaqt li kelliem għall-università Ingliża qal li l-ftehim kien li tinfetaħ istituzzjoni edukattivi għal health science.

Ikkritika lill-Gvern li qed jaħbi dwar il-ftehim li sar. Gvern li bħal dejjem, biex jaljena lill-poplu jiftaħar bl-akkwisti li se jagħmel il-pajjiż, u mbagħad jirrealizza li l-verità tkun ferm ‘il bogħod.

Irrifera għal diversi mistoqsijiet parlamentari li saru mill-Oppożizzjoni biex il-Gvern jagħti informazzjoni dwar minn fejn se jkunu rekluti l-għalliema, kif dawn il-barranin se jkollhom aċċess għall-pazjenti, u kif se jiġu assigurati l-istudenti biex jipprattikaw fl-isptar f’Għawdex.

L-Oppożizzjoni staqsiet ukoll jekk sarux konsultazzjonijiet dwar dan, bil-Gvern iwieġeb li f’dan l-istadju, l-għan tal-memorandum of understanding kien li jkun hemm ħsieb għal twaqqif ta’ istituzzjoni edukattiva fuq health science. Tenna li dak li qalet l-università Ingliża dwar il-proġett tagħha f’Għawdex hu ‘l bogħod minn dak li qal fil-bidu l-Gvern dwar dan il-proġett. Dan hu eżempju ieħor tal-ħabi tal-fatti, bil-Gvern daqqa jgħid li hu skola tax-xjenza u drabi oħra skola medika.
Fisser li se jkunu għaddew sentejn u l-poplu Għawdxi għadu fl-għama dwar dak li se jseħħ. Il-Gvern għadu ma weġibx dwar xfih il-ftehim u ma ta ebda informazzjoni relatata.

Ikkritika t-tweġiba li ta l-Gvern fil-Parlament fil-11 ta’ Mejju li għadda, meta qal li l-informazzjoni li qed tintalab dwar dan il-proġett hi kummerċjalment sensittiva.

Id-Deputat Nazzjonalista qal li l-poplu qiegħed jistenna li jkun infurmat u jkun jaf x’se jiġri fl-Isptar t’Għawdex. Sejjaħ il-mod kif qed iwieġeb il-Gvern għall-ifnormazzjoni li qed jitlob il-poplu u l-Oppożizzjoni bħala xejn dinjituż. Appella lill-Gvern li tela’ bl-għajta tat-tasparenza, jittratta b’dinjità lill-poplu.

Frederick Azzopardi saħaq li l-Oppożizzjoni trid risposti mhux ħabi u nuqqas ta’ informazzjoni dwar x’hemm wara dan il-proġett fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex. Hemm stqarrijiet li ma jaqblux ukoll dwar min u kif se jsir il-finanzjament ta’ dan il-proġett.

Jidher issa li wara sentejn, qed jingħad li l-investiment se jsir mill-Gvern Malti iżda s’issa mhu qed naraw ebda fondi u flus allokati. Għall-2014, kienu vvutati €6 miljun u fl-2015 anqas, €2.3 miljun.

Qed jingħad issa wkoll li l-Isptar t’Għawdex se jkun privatizzat u ħadd ma jaf jekk dawn humiex xnigħat jew le. Flok serħan tal-moħħ, il-ħaddiem qed jesperjenza inċertezza u insigurtà.

Semma wkoll il-ftaħir tal-Gvern dwar it-turiżmu mediku Għawdex u kif il-gżira Għawdxija se tiggwadanja mnn dak li qed jingħad li se jsir. Frederick Azzopardi qal li l-informazzjoni hawn ukoll hi minima, hekk kif irriżulta li l-Gvern ma kkalkula ebda stima ta’ kemm se jħalli l-infiq mit-turiżmu mediku.

Ikkritika lill-Gvern Laburista li meta kien fl-Oppożizzjoni għamel ħafna wegħdi sbieħ u wara li ħa r-riedni f’idejh, qiegħed jagħmel bil-kontra ta’ dak li wiegħed.