Lokali Parlament

Il-Gvern waqqaf hu kumpanija biex toffri s-servizzi ta’ sigurtà u qed jimpjega l-ħaddiema

Wara li Gvern ma tax informazzjoni għal mistoqsija parlamentari li saret erba darbiet fil-Parlament dwar impjiegi ta’ ħaddiema ta’ sigurtà fis-sit tal-Malta Shipbuilding, il-Ministru Chris Cardona kkonferma li l-Gvern waqqaf fi ħdan il-Ministeru tiegħu stess, kumpanija li tagħti servizzi ta’ sigurtà.

Wara erba’ mistoqsijiet li ressaq il-Viċi Kap għall-Ħidma fil-PN, Beppe Fenech Adami, u li r-risposta dejjem kienet li l-informazzjoni kienet għadha qed tinġabar, il-Ministru Chris Cardona kien mistoqsi biex iwieġeb mistoqsija oħra relatata ma’ dawn l-impjiegi li qed idaħħal il-Gvern bħala membri tas-sigurtà.

Ix-Shadow Minister Jason Azzopardi talab lill-Ministru Cardona jgħid għaliex il-Gvern waqqaf kumpanija li toffri s-servizzi ta’ sigurtà, Fort Security Services Limited, bit-tweġiba tal-Ministru tkun li l-kumpanija twaqqfet biex tagħti servizzi ta’ sigurtà lill-kumpaniji tal-Gvern sabiex jiġu mħarsa l-assi tal-Gvern stess.

Dwar din il-kumpanija ġdida li waqqaf il-Gvern, ix-Shadow Minister Jason Azzopardi rrimarka li din il-kumpanija għandha share wieħed li mhux tal-Gvern – dak ta’ persuna ta’ 18-il sena, Karl Cutajar. Dan kiek ikkonfermat ukoll mill-Ministru Cardona.

Għal tweġibiet li ta l-Ministru Cardona li din il-kumpanija Fort Security Services ġiet stabbilita biex ikun sigur is-servizz li jingħata, u li dan se jkun qed isir bi spiża anqas u li jnaqqas ukoll il-prekarjat f’dan is-settur ta’ xogħol, l-Oppożizzjoni ressqet diversi mistoqsijiet.

Filwaqt li Beppe Fenech Adami rrimarka li l-Ministru Cardona ma kienx wieġeb erba’ misqtoqsijiet b’rabta ma’ impjiegi għal servizzi ta’ sigurtà li kienu qed jiddaħħlu fil-Malta Shipbuilding, staqsa wkoll jekk sarux sejħiet pubbliċi għal dawn l-impjiegi, min huma dawk li diġà huma impjegati u minn liema distretti ġejjin dawk li ġew impjegati.

Il-Viċi Kap tal-PN għall-Ħidma fil-Parlament, Mario de Marco, staqsa wkoll jekk din il-kumpanija tal-Gvern hix se tkun qed tikkompeti ma’ kumpaniji privati fis-settur tas-servizzi ta’ sigurtà u l-Gvern hux se jkun qed joħroġ sejħiet għal offerti għal xogħol ta’ servizzi ta’ sigurtà.

Il-Ministru Cardona qal li hi fl-għażla tal-Ministeru tiegħu li jimpjega lil min irid u tal-fiduċja tiegħu, u li jkollu l-kwalifiċi neċessarji għal dan ix-xogħol. Qal ukoll li hu fid-deċiżjoni tal-Gvern jekk jinħarux sejħiet pubbliċi jew le għal dawn is-servizzi.