Rapport tal-Kunsill tal-Ewropa, dwar kemm Malta trażżan il-korruzzjoni ta’ Membri Parlamentari, Imħallfin u Prosekuturi, magħruf bħala GRECO, ifaħħar il-kodiċi tal-etika li kien sar 21 sena ilu waqt li jsostni li dan messu ssaħħaħ matul is-snin.
Bil-maqlub, bl-aħħar reviżjoni li għamel il-Gvern, li saret wara li tħejja r-rapport, dgħajfet il-kodiċi tal-etika li kien jorbot lill-Membri Parlamentari u lill-Ministri.
Ir-rapport, li hu r-raba’ wieħed ta’ evalwazzjoni dwar Malta, jappella lil Malta biex iddaħħal miżuri li permezz tagħhom jkun hemm konsistenza fid-dikjarazzjonijiet tal-Membri Parlamentari dwar il-propjetà u l-flus, l-interessi finanzjarji u d-dikjarazzjonijiet l-oħra, u li ssir superviżjoni u infurzar kemm tad-dikjarazzjonijiet li jkunu saru imma wkoll tal-istandards ta’ etika u tal-kunflitti ta’ interess li jista’ jkollhom.
Ir-rapport iħeġġeġ lil Malta wkoll biex iddaħħal sistema li permezz tagħha, il-Membri Parlamentari jkunu jistgħu jieħdu pariri dwar l-etika waqt li din tipprovdi iktar informazzjoni dwar il-qasam bl-iktar mod wiesgħa.
Il-GRECO jħeġġeġ ukoll li jitwaqqfu proċeduri formali, ċari u objettivi għall-ħatra ta’ maġistrati u mħallfin biex tingħata garanzija li dawn ikunu fil-fatt imparzjali, indipendenti u trasparenti, u li jissaħħu b’mod qawwi sanzjonijiet dixxiplinari kontrihom. Bħalissa, il-Gvern qiegħed jappunta hu direttament lil min irid li jservi ta’ maġistrat jew imħallef.
Fl-istess ħin, ir-rapport jgħid li waqt li l-Parlament Malti ppropona xi riformi biex jissaħħaħ dan il-qasam, mit-tielet rapport dwar il-pajjiż ma sar kważi ebda progress u dan il-fatt ma jagħtix serħan il-moħħ lill-pubbliku li l-pajjiż qed jiġġieled il-korruzzjoni jew l-imġieba mhux xierqa.
Isemmi b’mod speċifiku wkoll il-fatt li l-Qrati Maltin qed idumu s-snin biex jaslu għal konklużjonijiet f’ħafna kawżi, u li f’komunità żgħira bħal Malta, il-kunflitti ta’ interess huma sfida reali.
Id-disa’ rakkomandazzjonijiet li joħorġu mir-rapport, se jiġu evalwati fit-tieni nofs tas-sena d-dieħla biex il-Kunsill tal-Ewropa tevalwa jekk Malta tkunx fil-fatt għamlet passi ’l quddiem jew le.
//= $special ?>

