Internazzjonali Knisja

Il-Papa jinsisti dwar il-ħarsien tat-tfal f’separazzjoni

Il-Papa Franġisku l-Erbgħa għamel appell imqanqal biex it-tfal jiġu l-ewwel u qabel kollox meta l-ġenituri tagħhom jisseparaw, u biex dawn ma jintużawx bħala għodda ta’ rikatt bejn il-ġenituri li jkunu qed jisseparaw.
Hu qal li jidher li s-soċjetà tal-lum saret ma tħoss xejn għall-feriti li jsofru t-tfal, “mill-piż ta’ muntanja li ssofri r-ruħ tat-tfal”, meta l-adulti jitilfu rashom u kulħadd jaħseb għal rasu u mhux għat-tfal.
Hu qal li f’ċerti każi, is-separazzjoni tal-ġenituri ma tistax tiġi evitata imma fejn jidħlu t-tfal, il-ħarsien u t-trobbija tagħhom, iridu jibqgħu prijorità.
Il-Papa qal li kulħadd jaf li f’kull familja jkun hemm dawk il-mumenti meta wieħed iweġġa’ minn xi membru tagħha…kemm mill-azzjonijiet, mill-kliem u min-nuqqas ta’ kliem. Hu qal li wieħed irid jara kif jistgħu jingħataw l-għajnuna li għandhom bżonn u biex it-tfal ma jispiċċawx “ostaġġi” tal-missier jew l-omm. Dan għaliex ta’ spiss, l-għajnuna u l-appoġġ li jfittxu l-ġenituri ma taħsibx fil-ġid tal-familja.
Hu qal li xi kultant separazzjoni hi moralment neċessarja, fosthom meta membru tal-familja jkun spiċċa vittma ta’ membru ieħor tal-familja, kemm minn arroganza kif ukoll vjolenza, indifferenza jew aljenazzjoni. Iżda mbagħad it-tfal iridu jibqgħu l-qofol ta’ kollox u protetti mill-ostilità li tfeġġ bejn il-ġenituri u li tħalli l-feriti fuqhom għal għomorhom kollu. Il-Papa fakkar f’dak li kien qal Ġesù Kristu dwar li t-tfal iridu jkunu mħarsa.
Hu fakkar li f’separazzjoni, minkejja r-raġunijiet li wasslu biex xi wieħed mill-ġenituri jieħu dan il-pass, kienu dejjem it-tfal li kienu se jbatu l-aktar.
Il-Papa tkellem ukoll dwar dawk il-familji li huma deskritti li qed jgħixu ħajja “irregolari”, kelma li qal li ma tantx iħobb jużaha. Dwar dan qal li hemm bżonn riflessjoni biex wieħed jara x’inhi l-aħjar għajnuna li jistgħu jingħataw b’mod partikulari fejn jidħlu t-tfal.