Is-sitwazzjoni fl-Awtorità tal-Port Ħieles kulma jmur qed issir waħda dejjem imwiegħra b’Aaron Farrugia, Chris Cardona u Josè Herrera jużaw dan il-pos tax-xogħol biex jaqdu benjamini mid-Distrett rispettiv tagħhom.
In-Nazzjon illum żvela kif fl-aħħar xhur iddaħħlu jaħdmu bħala Uffiċjali tas-Sigurtà xejn inqas minn tnax-il persuna li litteralment ma kienx hemm bżonn. Dan għaliex jekk fil-Port Ħieles hemm erba’ shiftx b’għaxar Uffiċjali tas-Sigurtà, Head u Assistant Head, issa fix-xhur li għaddew ħadd ma ra l-ħtieġa li dan l-għadd ta’ Uffiċjali tas-Sigurtà jiżdied.
Aaron Farrugia, l-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni tal-Awtorità, flimkien mal-Ministru Chris Cardona u s-Segretarju Parlamentari Josè Herrerea jemmnu bis-sħiħ li dan il-post tax-xogħol partikulari jista’ jkun ideali biex fih jiddaħlu jaħdmu persuni kunsidrati ‘ta’ ġewwa’ mid-Disttrett.
Il-problema hi li bid-dħul bla bżonn ta’ dawn il-ħaddiema u oħrajn, il-piż tal-pagi fuq l-Awtorità tal-Port Ħieles kulma jmur qiegħed ikompi jikber u jaggrava. L-ironija hi li mbagħad fl-istess post tax-xogħol hemm għadd ġmielu ta’ impjegati oħra li għaliex m’humiex meqjusa bħala ‘tagħna lkoll’, allura dawn jitwarrbu u jingħataw il-ġenb u dan minkejja s-serjetà tal-istess persuni kif ukoll minkejja l-esperjenza vasta li huma għandhom fix-xogħol tagħhom.
Is-sorsi li tkellmu ma’ In-Nazzjon, filwaqt li staqsew x’merti u xi kwalitajiet partikulari qiegħed ifittex il-Port Ħieles biex jimpjega miegħu dawn il-ħaddiema kollha, osservaw li probabbilment il-kwalifiki li persuna jkollha bżonn biex tidħol taħdem fil-Port Ħieles hi li trid tkun mid-Distrett.
Fil-preżent is-sistema li titħaddem bejn l-Uffiċjali tas-Sigurtà hi li dawn jinqasmu fuq erba’ shifts u f’kull shift ikun hemm għaxar Uffiċjali tas-Sigurtà flimkien ma’ Head u Assistant Head. B’din is-sistema x-xogħol kien miexi ħarir ħafna, iżda f’daqqa waħda fuq ordnijiet minn fuq inqaleb kollox ħaliex Uffiċjali tas-Sigurtà żejda spiċċaw jiddaħħlu jiffurmaw parti minn dan il-grupp ta’ Uffiċjali tas-Sigurtà.
Is-sorsi li tkellmu ma’ In-Nazzjon enfasizzaw li fl-aħħar ġimgħat fl-Awtorità tal-Port Ħieles (Malta Freeport Corporation) baqgħu għaddejjin isiru għadd ġmielu ta’ ħniżrijiet kbar.
Fost l-oħrajn hemm każi ta’ ħaddiema li qed jiġu umiljati fil-post tax-xogħol tagħhom sal-punt li dawn mhux biss twarrbu mill-qadi tad-doveri tagħhom, iżda saħansitra qed jiġu mdejqa biex ikunu kostretti jħallu l-post tax-xogħol tagħhom.
Għal darba oħra fil-jiem li għaddew investigajna numru ta’ rapporti li waslulna dwar diskriminazzjoni sfaċċata bejn il-ħaddiema tal-Port Ħieles fejn Aaron Farrugia jokkupa l-kariga ta’ Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni.
Ħafna mid-deċiżjonijiet li qed jittieħdu fil-Port Ħieles huma orkestrati direttament mill-istess Aaron Farrugia bl-appoġġ ta’ membri fil-Bord tad-Diretturi tal-istess Port Ħieles.
//= $special ?>