Il-kelliem tal-intern għall-partit Ġermaniż CDU/CSU bi żjara f’Malta
L-immigrazzjoni rregolari m’hijiex biss sfida għal Malta iżda sfida għall-bqija tal-Unjoni Ewropea. Qal dan Stephen Mayer fi żjara li għamel fid-Dar Ċentrali. Mayer hu l-Kelliem għall-Affarijiet Interni tal-grupp Parlamentari Ġermaniż CDU/CSU, li jifforma wkoll parti mill-grupp tal-Partit Popolari Ewropew fil-Parlament Ewropew.
Stephen Mayer intlaqa’ fid-Dar Ċentrali mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni Francis Zammit Dimech li saħaq fuq l-importanza li dan is-suġġett għandu għal Malta u qal li l-Partit Nazzjonalista jilqa’ l-passi li qed jittieħdu lejn sistema ta’ kwoti fost il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea għall-immigranti irregolari.
Francis Zammit Dimech saħaq li meta tiġi implimentata din is-sistema għandhom jittieħdu f’kunsiderazzjoni fatturi oħra li jvarjaw minn pajjiż għall-ieħor, fosthom id-daqs, il-popolazzjoni u l-Prodott Domestiku Gross ta’ kull pajjiż.
Minn naħa tiegħu, Mayer qal li l-Partit Demokristjan CDU/CSU jaqbel mas-sistema tal-kwota għaliex l-isfida tal-immigrazzjoni rregolari tista’ tiġi mtaffa biss jekk ikun hemm l-involviment tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li qal li hu inġust li 75% tal-immigranti rregolari jintlaqgħu minn ħames pajjiżi biss.
Saħaq li miftuħ għall-idea li mas-sistema tal-kwota jkun hemm fatturi oħrajn li jittieħdu f’kunsiderazzjoni, iżda l-ewwel pass għandu jkun li ssir ħidma biex aktar pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea jkunu konvinti li din is-sistema għandha tiġi introdotta.
Fl-aħħar ġimgħat u xhur, il-Partit Popolari Ewropew, li tiegħu l-Partit Nazzjonalista Malti u l-Partit Ġermaniż CDU/CSU huma membri, saħaq li għandu jkun hemm azzjoni konkreta mill-Unjoni Ewropea biex ikun hemm mekkaniżmu ta’ solidarjeta’ biex ir-refuġjati ma jkunux responsabbilta’ ta’ ftit pajjiżi biss, iżda jkun hemm kwota li torbot lill-pajjiżi membri sabiex jipprovdu soliderjeta’ huma wkoll mal-immigranti u r-refuġjati.
//= $special ?>