Lokali

Joseph Muscat m’għandu l-ebda triq oħra ħlief li jkeċċi lil Peter Paul Zammit

L-eks Kummissarju tal-Pulizija Peter Paul Zammit instab ħati mill-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data li illegalment għadda kopja tal-file tal-Ispettur Elton Taliana lil sezzjoni tal-media, li mbagħad intużat kontra l-Ispettur quddiem il-Qorti.

Dan żvelah il-ġurnal The Times, li fil-ħarġa tal-lum ippubblika wkoll ir-rapport li sab lill-eks Kummissarju ħati. Kawża ta’ dan, il-Kummissarju tal-Pulizija ġie mmultat €500 minħabba l-gravità tal-każ.

Skont ir-rapport tal-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data, il-multa trid titħallas mill-Kummissarju attwali, għalkemm ir-rapport jindika ċar li l-każ seħħ meta l-Korp tal-Pulizija kien taħt ir-responsabbiltà ta’ Peter Paul Zammit.

U wara dak li ġie żvelat, il-Prim Ministru Joseph Muscat ma baqalu l-ebda triq oħra ħlief li jkeċċi minnufih lil Peter Paul Zammit mill-kariga pubblika li għandu fl-Uffiċċju taċ-CHOGM. Id-deċiżjoni tal-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data tikkonferma kemm Peter Paul Zammit hu bniedem li ma tistax tafdah fl-ebda kariga pubblika.

Dan qalu x-Shadow Minister għall-Ġustizzja Jason Azzopardi f’konferenza tal-aħbarijiet quddiem l-Uffiċċji taċ-CHOGM fil-Furjana. Hu spjega kif fis-sena li għamel bħala Kummissarju tal-Pulizija, Peter Paul Zammit ħa deċiżjonijiet kontroversjali, perikolużi u li jikkonfermaw kemm mhuwiex persuna li tista’ tafdah.

Ix-Shadow Minister fakkar li Peter Paul Zammit hu bniedem ta’ fiduċja tal-Prim Ministru, kif ammetta Muscat stess waqt il-Kumitat Parlamentari tal-Privileġġi. Azzopardi sostna li jekk Muscat ma jneħħix lil Zammit immedjatament, ikun qed jikkonferma li qed japprova dan l-aġir inaċċettabbli u li jikser il-libertà ċivili tal-privatezza, li jista’ jkun ukoll aġir potenzjalment kriminali.

Min-naħa tagħha, il-Kandidat għall-elezzjoni ġenerali Roselyn Borg qalet li b’dak żvelat, issa teżisti konferma kemm il-poplu Malti u Għawdxi ma jistax iserraħ moħħu taħt dan il-Gvern, għax il-Gvern u l-persuni magħżulin minnu qed jgħaddu informazzjoni personali u privata tal-individwi lill-media mingħajr il-kunsens ta’ dak li jkun.

Roselyn Borg qalet ukoll li hu tal-mistħija li isem Malta, f’okkażjoni daqstant importanti bħalma hi dik taċ-CHOGM, qed jittappan b’deċiżjonijiet ta’ Joseph Muscat. Dan wara li Muscat diġà ħatar lil Phyllis Muscat bħala Chairperson tat-Task Force taċ-CHOGM, li ntgħażlet biss għax hi l-ħabiba tal-Familja Muscat, kif ukoll li issa l-persuna li l-Prim Ministru għażel biex imexxi s-sigurtà ta’ dan is-Summit jinstab ħati mill-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data.