Fil-Qorti ntqal li l-argument li wassal għal sparatura fi Triq l-Ixprun il-Belt Valletta fis-16 ta’ Ġunju li għadda nqala fuq karozza.
Dan intqal waqt il-kumpilazzjoni tal-provi fil-konfront ta’ raġel ta’ 35 sena mill-Belt li jinsab mixli li b’attentat ta’ qtil, li kellu arma mingħajr permess, li ħebb għall-vittma u missieru u li kiser il-paċi pubblika. Il-prosekuzzjoni talbet lill-qorti tordna li s-somma ta ‘€ 14,330 konnessi mal-kondizzjonijiet pleġġ jiġu kkonfiskati.
Fil-Qorti, Alfred Mifsud xehed li kellu relazzjoni ma’ omm l-akkużat u meta din ir-relazzjoni ntemmet ried li tagħtih lura l-karozza li kienu xtraw.
Huwa sostna li kien hu li xtara l-karozza iżda ma kinitx irreġistrata fuqu.
Mifsud xehed li dakinhar li seħħet l-isparatura, ibnu irċieva telefonata mingħand l-akkużat biex jiltaqgħu fi Triq l-Ixprun fil-Belt Valletta stess.
Qal li akkumpanjah iżda stennieh fil-karozza sakemm sema’ l-isparatura.
Sostna li l-akkużat heddu li joqtlu. Xehed ukoll Noel Mifsud li ntlaqat f’siequ dakinhar tal-isparatura.
Qal li l-argument inqala fuq il-karozza u meta ltaqa’ mal-akkużat staqsieh għaliex kellu arma tan-nar.
Il-każ se jkompli fit-3 ta’ Lulju li ġej.
L-Avukat Charmaine Cherrett dehret għad-difensur.
//= $special ?>

