Internazzjonali Unjoni Ewropea

L-UNGERIJA: Lejn konfront mal-UE dwar l-immigrazzjoni

L-Unjoni Ewropea qed titlob spjegazzjoni mill-Gvern Ungeriż wara li dan ħabbar li kien se jirtira regola Ewropea importanti li tikkonċerna l-immigrazzjoni.
Ir-regola, magħrufa bħala d-Dublin regulation, hi dik li tistipula li jekk immigrant jinstab f’pajjiż ieħor tal-UE, dan jintbagħat lura lejn dak il-pajjiż tal-UE li fih ikun daħal l-ewwel. Dan sakemm ma jkollux id-dokumentazzjoni meħtieġa.
Ir-regola bħalissa qed tkun ikkritikata minħabba l-mewġa ta’ immigranti li bħalissa qed jidħlu f’diversi partijiet tal-Ewropa.
Kelliem tal-Gvern qal li dan qed isir għaliex issa l-pajjiż kien qed iġorr piż tqil wisq minħabba l-ammont ta’ immigranti li hemm fl-Ungerija.
Ftit ġranet ilu, l-Ungerija ħabbret li kienet se tibni lqugħ tul il-fruntiera mas-Serbja minħabba l-ammont kbir ta’ immigranti li qed jaqsmu illegalment. Barra minn hekk, il-Gvern poġġa diversi billboards madwar il-pajjiż iwissu biex il-barranin ma jiħdux l-impjiegi tal-Ungeriżi.
Uffiċjali Ungeriżi qalu li s’issa din is-sena diġà kienu daħlu illegalment mas-60,000 immigrant.
Il-kelliem qal li l-Ungerija qed tagħmel użu mill-kapaċitajiet għad-dispożizzjoni tagħha u din kienet sitwazzjoni li kellha bżonn azzjoni ta’ malajr.
Min-naħa l-oħra, kelliem għall-Kummissjoni Ewropea talab spjegazzjoni mill-Gvern ta’ Budapest b’mod partikulari peress li l-Gvern Ungeriż qal li din is-sospensjoni kienet qed issir minħabba raġunijiet tekniċi.
Diversi pajjiżi lmentaw dwar din ir-regola minħabba l-pressjoni li jinsabu fiha minħabba l-ammont ta’ immigranti li qed jidħlu bla permess fl-Unjoni Ewropea. Il-Finlandja u l-Ġermanja diġà waqfu jibagħtu immigranti lura l-Greċja minħabba l-ammont ta’ nies li deħlin fil-pajjiż.