Għal sena oħra, Malta ġiet ikkonfermata fuq quddiem nett għas-servizzi tal-Gvern fuq l-internet fost 33 pajjiż fl-Ewropa.
Skont l-eGovernment Benchmark Report ta’ din is-sena tal-Kummissjoni Ewropea, Malta għelbet lis-27 pajjiż membru l-ieħor fl-UE u lill-Iżlanda, lin-Norveġja, lis-Serbja, lill-Iżvizzera u lit-Turkija f’erba’ kategoriji u qabżet il-medja Ewropea b’mod sostanzjali.
Malta ġiet fl-ewwel post għall-kategorija dwar disponibbiltà u l-użu tas-servizzi tal-Gvern fuq l-internet, bi 22 punt perċentwali ogħla mill-medja Ewropea.
Malta kisbet l-istess riżultat għat-trasparenza dwar responsabiltajiet u prestazzjoni tal-Gvern fuq l-internet, b’46% iktar mill-medja Ewropea, u b’47% iktar mill-medja għad-disponibbiltà ta’ elementi tekniċi meqjusa importanti għad-distribuzzjoni tas-servizzi tal-eGovernment.
Fejn tidħol l-abbiltà tal-gvernijiet li jipprovdu servizzi pubbliċi onlajn lin-negozji u liċ-ċittadini ’l bogħod minn pajjiżhom, Malta wkoll kienet fil-quċċata, b’37.5% iktar mill-medja Ewropea.
Is-Segretarju Parlamentari José Herrera qal li dawn ir-riżultati pożittivi jibqgħu jsostnu l-impenn tal-Gvern lejn l-użu tal-ICT biex jinħolqu sistemi innovattivi, sostenibbli u siguri tas-servizzi eGovernment.
Min-naħa tiegħu, iċ-Ċermen Eżekuttiv tal-Aġenzija Maltija għall-Informatika u t-Teknoloġija (MITA), Tony Sultana, laqa’ b’sodisfazzjon ir-riżultati u spjega li l-MITA għaddejja b’xogħol estensiv fuq is-siti tal-Gvern, biex ittejjeb l-użu tagħhom fuq appart mowbajl, biex toffri servizz għan-numru kbir ta’ utenti li qed jużaw l-internet mill-mowbajls tagħhom.
//= $special ?>

