Lokali

Ray Zammit u wliedu huma sħab fin-negozji ma’ Joe Gaffarena u ibnu

L-eks Aġent Kummissarju Ray Zammit u ż-żewġ uliedu Roderick u Daniel, it-tnejn Spetturi fl-Iskwadra ta’ Kontra l-Frodi fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, huma sħab fin-negozji ma’ Joe Gaffarena u ibnu Michael, kif ukoll mal-Ambaxxatur Malti għas-Santa Sede George Buttigieg.

Daniel Zammit hu wkoll l-Ispettur li ġie boarded out mill-Korp tal-Pulizija fl-età ta’ 35 sena, iżda ħamest ijiem wara kien diġà lura għax-xogħol, din id-darba mal-Enemalta b’paga ta’ €60,000 fis-sena.

Min-naħa l-oħra, Michael Gaffarena hu ħu Marco, li mil-lum għall-għada sar multi-miljunarju mill-fondi pubbliċi wara li l-Gvern xtara mingħandu kwart ta’ binja li kellu fi Strada Zekka u li tagħha qala’ aktar minn miljun u 600,000 ewro fi flus kontanti u artijiet oħrajn magħżula apposta għax jinsabu biswit artijiet oħrajn li diġà għandu.

Issa jirriżulta li d-Deputat Kummissarju Ray Zammit u wliedu huma sħab fil-kumpanija Geras Care Ltd, fuq bażi ta’ 50-50. Huma sidien ukoll tal-kumpanija St Gabriel Residential Homes Ltd flimkien ma’ Michael Gaffaerna u l-Ġinekoloġista u Ambaxxatur George Buttigieg. Il-kumpanija hi nofsha tal-familja Zammit u n-nofs l-ieħor ta’ Gaffarena u Buttigieg.

Fiż-żewġ każi, ix-shares tal-kumpanija huma mniżżla fuq mart Ray Zammit, Jane, li hi reġistrata wkoll bħala Segretarja tal-kumpanija. It-trasferiment għal fuq Jane Zammit sar f’Ġunju tas-sena li għaddiet meta Ray Zammit laħaq Aġent Kummissarju. Fl-istess żmien, Joe Gaffarena għadda x-shares lil ibnu Michael.