Lokali Parlament

Tliet riżenji mill-Bord tal-Orkesta Nazzjonali u tlieta oħra mill-amministrazzjoni

Fl-aħħar sentejn irriżenjaw jew talbu li l-ħatra tagħhom ma terġax tiġġedded, tliet membri mill-Bord tal-Orkesta Nazzjonali. Irriżenjaw ukoll tliet persuni oħra mill-amministrazzjoni tal-Orkestra Nazzjonali.

Għal mistoqsijiet li saru mid-Deputat Nazzjonalista Joe Cassar, il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, Owen Bonnici, qal li fl-ittra ta’ riżenja tagħhom, tnejn mill-membri tal-Bord indikaw impenji oħrajn fl-ittri li bagħtu għar-riżenji tagħhom, u rringrazzjaw lill-Bord tal-esperjenza u awguraw lill-Orkestra suċċess għall-futur.

Il-persuna l-oħra, fl-ittra ta’ riżenja jew rinunzja ta’ tiġdid tagħha, qalet li r-raġunijiet kienet qalithom lill-Bord tal-Orkestra. Qalet li ċ-Chairman tal-Orkestra qed jagħmel biċċa xogħol tajba ħafna u ħadmet tajjeb miegħu. Żiedet tgħid li waqt li għandha rispett sħiħ lejn il-policies li l-Orkestra qed taddotta, fuq uħud minnhom ma tistax taqbel fuq punt ta’ prinċipju.

Irringrazzjat lill-Bord tal-Orkestra tax-xogħol li sar u qed isir u li se tkompli tappoġġja lill-Orkestra fiż-żmien li ġej.

It-tliet persuni li rriżenjaw mill-amministrazzjoni tal-Orkestra Nazzjonali ma tawx raġuni għar-riżenja fl-ittri li bagħtu.