Lokali

Appell mill-Assoċjazzjoni tal-Pulizija biex informazzjoni personali tkun protetta

L-Assoċjazzjoni tal-Pulizija ta’ Malta fi stqarrija qalet li qed issegwi bir-reqqa kollha dak li ħareġ
mid-deċiżjoni tal-Kummissarju tad-Data rigward informazzjoni personali li ngħatat mil-file ta’ Spettur tal-Pulizija lil sezzjoni tal-media u li aktar tard ġew esebiti estratti mill-istess file fil-Qorti tal-Maġistrati f’kawża ta’ libell pendenti bejn l-Ispettur Taliana u l-editur ta’ gazzetta partikolari.

L-Assoċjazzjoni tal-Pulizija ta’ Malta qalet li tinsab preokkupata kif din mhix l-ewwel okkażżjoni fejn informazzjoni u data sensittiva ħarġu b’mod abusiv u mhux awtorizzat mill-Kwartieri Ġenerali tal-Korp tal-Pulizija, li qed iwassal biex jimmina x-xogħol delikat li twettaq il-Pulizija u jtebba’ bla bżonn ir-reputazzjoni tal-membri tagħha u tal-Korp tal-Pulizija b’mod ġenerali.

L-Assoċjazzjoni tal-Pulizija ta’ Malta żiedet tgħid li tikkundanna l-fatt li uħud mill-membri tal-media jirraportaw allegazzjonijiet fil-konfront tal-membri tal-Korp tal-Pulizija li jkunu intiżi biss biex itellfu l-integrita’ tal-membri tal-istess Korp.

Qalet li jkun iktar xieraq jekk kull min ikollu l-iċken informazzjoni ta’ ksur tal-liġi jew ta’ xi nuqqasijiet gravi oħra, juża l-mezzi u l-poteri kollha li tagħtih il-liġi minflok jagħmel allegazzjonijiet u spekulazzjonijiet li ma jwasslu mkien.

L-Assoċjazzjoni tal-Pulizija qalet li riżultat ta’ dan qed iwassal biex il-membri tal-Korp tal-Pulizija qed jispiċċaw jintużaw bħala ballun politiku.

Fl-aħħar u mhux l-inqas, l-Assoċjazzjoni tal-Pulizija ta’ Malta fl-istqarrija tagħha appellat kemm lill-Ministru responsabbli mill-Intern kif ukoll lill-Kummissarju tal-Pulizija biex ikomplu jimplimentaw miżuri u kontrolli effettivi sabiex tiġi salvagwardjata u protetta l-informazzjoni u data personali tal-membri kollha tal-Korp tal-Pulizija, li wara kollox għandhom dritt għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data tagħhom bħal kull ċittadin ieħor, u mhux li din tiġi żvelata u esplojtata fil-pubbliku bi ksur tal-liġi.