Ir-riformi li l-Partit Nazzjonalista wettaq fl-aħħar snin għandhom l-iskop li joħolqu bilanċ bejn in-nisa u l-irġiel fit-tfassil tal-politika tal-Partit ħalli n-nisa jkollhom opportunitajiet akbar biex jipparteċipaw u jikkontribwixxu.
Dan sostnietu s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Rosette Thake meta dalgħodu indirizzat konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali tal-Partit għat-tnedija tal-Akkademja tas-Sajf tan-Nisa tal-Partit Popolari Ewropew (PPE).
Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll mill-President tan-Nisa tal-PPE Doris Pack u l-President tal-Moviment Nisa Partit Nazzjonalista (MNPN) Marion Pace Axiaq. L-Akkademja tas-Sajf se ssir bejn illum u l-Ħadd li ġej bit-tema “L-Aġenda Diġitali Erwopea”.
Min-naħa tagħha, il-President tan-Nisa tal-PPE Doris Pack tkellmet dwar l-importanza li l-partiti politiċi jirrikonoxxu l-kapaċitajiet tan-nisa fil-politika u fil-ħajja soċjali, filwaqt li spjegat kif il-PPE japprezza l-impnen li qed juri l-Partit Nazzjonalista taħt it-tmexxija ta’ Simon Busuttil billi jinkludi l-paretċipazzjoni tan-nisa fil-politika.
Pack tkellmet ukoll dwar l-importanza li l-politiċi u s-soċjetà jifhmu aktar l-importanza tal-aspett diġitali u l-mod kif il-pajjiżi għandhom jużaw l-aġenda diġitali għall-benefiċċju tan-nies.
Il-President tal-MNPN Marion Pace Axiaq tkellmet dwar l-Akkademja tal-PPE f’Malta u qalet li dan għandu jkun forum li fih 44 mara minn 21 pajjiż differenti jiddiskutu diversi temi, fosthom l-istrateġija tal-Unjoni Ewropea dwar l-aġenda diġitali, in-nisa quddiem l-era diġitali u l-opportunitajiet li l-era diġitali toħloq.
Fis-sessjoni ta’ għada, l-Akkademja se tkun indirizzata fost l-oħrajn mill-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, kif ukoll mill-Membri Parlamentari Ewropej f’isem il-Partit Nazzjonalista Therese Comodini Cashia u Roberta Metsola.
//= $special ?>